Qtil Maria Lourdes: L-akkużat jgħid li kien fi stat ta’ ġenn; jitħalla jappella

Il-Qorti Superjuri tal-Appell Kriminali ħalliet lil Michael Emmanuel, suspettat li qatel lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius, jappella d-deċiżjoni tal-ġuri li ċaħdet il-motiv ta’ ġenn b’verdett ta’ 8 kontra wieħed. Dan wara li l-Avukat Ġenerali oġġezzjona għal dan l-appell.

Emmanuel huwa akkużat li qatel lill-eks sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius billi fgaha b’kurċifiss, u li weġġa’ lil ommha, li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u li ffalsifika l-karti ta’ identità tiegħu.

Agius kellha sebat itfal, wieħed minnhom tal-akkużat. Ommha sabitha mejta f’sodditha fl-14 ta’ Settembru 2018 f’Raħal Ġdid.

L-akkużat intbagħat l-Isptar Monte Karmeli f’April li għadda wara li hu stqarr li ma kienx stabbli mentalment meta wettaq ir-reat. Il-Prosekuzzjoni insistiet li Emmanuel kien konxju meta qatel lil Maria Lourdes, u kellu wkoll ċans biex jaħseb fuq dak li għamel. Eventwalment, il-ġuri ċaħdet li Emmanuel kien fi stat ta’ ġenn meta wettaq ir-reat, u ġie ddikjarat f’sikktu.

Id-Difiża tal-akkużat appellat din id-deċiżjoni. L-Avukat Ġenerali ddikjara l-applikazzjoni ta’ Emmanuel għal appell bħala waħda nulla. Il-Qorti ddeċidiet ilbieraħ li l-unika darba meta applikazzjoni għal appell tista’ tiġi ddikjarata nulla hija meta ma tkunx iffirmata minn avukat jew mill-appellant innifsu. Żiedet tgħid li tinsab perplessa li l-Avukat Ġenerali ma rnexxilux jifhem in-natura tal-appell u l-bażi legali għat-talba tal-appellant.

Għaldaqstant, il-Qorti ordnat li l-proċeduri dwar l-appell ta’ Emmanuel jitkomplew, minkejja dak li qal l-Avukat Ġenerali.

Il-Qorti tal-Appell kienet preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, mill-Maġistrat Joseph Zammit McKeon u mill-Maġistrat Edwina Grima.