Qtil Maria Lourdes: Ikkonfermat li Michael Emmanuel ma kienx fi stat ta’ ġenn

Read in English.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat li Michael Emmanuel ma kienx fi stat ta’ ġenn, imma kien kapaċi jifhem x’inhu jagħmel meta qatel lil Maria Lourdes Agius.

Emmanuel huwa akkużat li qatel lill-eks sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius billi fgaha b’kurċifiss, u li weġġa’ lil ommha, li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u li ffalsifika l-karti ta’ identità tiegħu.

Agius kellha sebat itfal, tlieta minnhom tal-akkużat. Ommha sabitha mejta f’sodditha fl-14 ta’ Settembru 2018 f’Raħal Ġdid. Hija kellha 35 sena, filwaqt li l-akkużat kellu 29.

F’Jannar, il-Qorti Superjuri tal-Appell Kriminali ħalliet lil Michael Emmanuel, suspettat li qatel lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius, jappella d-deċiżjoni tal-ġuri, meħuda fil-5 ta’ Lulju tal-2019, li ċaħdet il-motiv ta’ ġenn b’verdett ta’ tmienja kontra wieħed. Dan wara li l-Avukat Ġenerali oġġezzjona għal dan l-appell.

Id-Difiża ta’ Emmanuel kienet qalet li hu kien fi stat ta’ ġenn meta qatel lil Maria Lourdes. B’hekk, il-kumpilazzjoni tal-evidenza ġiet sospiża sakemm ġuri tiddeċiedi dan hux minnu jew le.

Il-vittma kemm-il darba kienet għamlet rapporti għand il-pulizija ta’ vjolenza domestika. Ġie kkonfermat li hi mietet billi ġiet fgata, meta saret pressjoni fuq għonqha. Meta nstabet bla ħajja, kellha ġrieħi f’wiċċha, f’għonqha u anke f’rasha.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, l-Imħallef Joseph Zammit McKeon u l-Imħallef Edwina Grima, ikkonfermat il-verdett tal-ġuri, jiġifieri li l-akkużat ma kienx fi stat ta’ ġenn, għal diversi raġunijiet, ewlenija fosthom il-fatt li ma kien hemm l-ebda rekord mediku jew psikjatriku uffiċjali li jindika li l-akkużat isofri minn xi problemi ta’ saħħa mentali.

L-uffiċjali tal-pulizija li xehdu f’dan il-każ semmew kif l-akkużat dejjem deher fi stat mentali stabbli, u dejjjem tkellem b’mod li jinftiehem.

Fil-każ kien issemma wkoll li l-vittma kienet qalet lis-sieħeb tagħha biex ineħħi xi seħta minn fuqha, billi jpoġġi salib fuq għonqha, iżda l-marki li nstabu fuq ġisimha ma kinux jaqblu ma’ din id-deskrizzjoni li ta Emmanuel.

Il-Qorti nnutat kif hu u jirrakkonta x’ġara, l-appellant spjega li uża idu x-xellugija hu u jagħfas is-salib fuq għonq il-vittma, għax dejjem kien juża din l-id biex jagħmel xi ħaġa li l-Bibbja ma tqishiex tajba, fi kliemu. Għalhekk, ikkonkludiet li huwa kien jaf li dak li qed jagħmel kien ħażin. Il-Qorti żiedet tgħid li l-psikjatra appuntata minnha qaltilha li Michael Emmanuel jaf beda jbati bil-psikożi wara l-esperjenza trawmatika.

Minkejja dan, il-Qorti semmiet kif il-vittma ġieli rrikorriet għand il-pulizija b’rapporti ta’ vjolenza domestika kontra l-appellant. Għaldaqstant, ikkonfermat il-verdett, u l-każ bagħtitu lura fil-Qorti tal-Maġistrati sabiex titkompla l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih.