Qtil Khashoggi: It-Turkija ddiżappuntata bil-kummenti ta’ Trump

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Tork qal li t-Turkija tinsab iddiżappuntata dwar il-kummenti li għamel il-President Amerikan Donald Trump dwar il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi.

Khashoggi, li kien kritiku tal-Prinċep Mohammed bin Salman, inqatel fil-konsulat tal-Arabja Sawdija.

B’risposta għall-kummenti ta’ Trump, il-Ministru Tork qal li Trump qed jagħlaq għajnejh quddiem dan id-delitt. Il-Ministru rrefera għall-kummenti ta’ Trump, li qal li hemm ċans li l-Prinċep ma kienx jaf dwar il-pjan biex il-ġurnalist Khashoggi jiġi eliminat. Semma wkoll li dan minkejja li l-awtoritajiet għandhom rikording fejn il-Prinċep jinstema’ jordna l-qtil tal-ġurnalist.

Il-Ministru Tork ikkritika lil Trump għax għażel il-flus permezz tal-kummerċ li jsir bejn l-Istati Uniti u l-Arabja Sawdija minflok il-ġustizzja. Min-naħa l-oħra, il-Miniseru stqarr li l-istat Tork mhux ħa jagħmel bħall-Istati Uniti. Żied jgħid ukoll li minbarra l-kwistjoni internazzjonali li għaddejja bħalissa bejn it-Turkija u l-Arabja Sawdija, il-President Tork Recep Tayyip Erdogan xorta waħda se jiltaqa’ mal-Prinċep.