Qtil Khashoggi: Ir-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u s-Sawdi Arabja titfarrak

REUTERS/Leah Millis

Il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi wasal sabiex ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u s-Sawdi Arabja jitfarrku.

Dan wara kumment li ta illum is-Senatur Repubblikan Lindsey Graham. Hu qal li r-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u s-Sawdi Arabja ma tistax timxi ‘l quddiem sakemm il-kwistjoni mal-Prinċep Sawdi, Mohammed bin Salman tiġi solvuta.

Wara l-laqgħa mal-President Tork, Graham qal li l-kungress se jerġa’ jintroduċi sanzjonijiet kontra dawk involuti fil-qtil tal-ġurnalist Sawdi, Jamal Khashoggi. Khashoggi kien jgħix fl-Istati Uniti u kien jikteb fil-gazzetta Washington Post. Hu ġie maqtul fil-konsulat tas-Sawdi ġewwa Istanbul f’Ottubru.

Għall-bidu Riyadh ċaħdu t-tagħrif tal-għibien tal-ġurnalist, però maż-żmien żvelaw spjegazzjonijiet kontradittorji, fosthom li Khashoggi kien ġie maqtul f’operazzjonijiet diżonesti.

L-uffiċjali tas-Sawdi qalu li l-Prinċep ma kellux indikazzjonijet ta’ dan il-qtil. Is-Sawdi Arabja qalet li s-sena li għaddiet 21 persuna Sawdija ttieħdu f’kustodja b’relazzjoni mal-każ ta’ Khashoggi. 11 minn dawn ġew akkużati u se jitressqu l-Qorti.