Qtil Jan Kuciak: Kočner u Zsuszsová ddikjarati innoċenti

Read in English.

Il-Qorti Slovakka ddikjarat lil Marian Kočner u Alena Zsuzsová bħala innoċenti fil-qtil tal-ġurnalist Slovakk Ján Kuciak u s-sieħba tiegħu Martina Kušnírová.

Dan qed jiġi rrappurtat f’ġurnali Slovakki fosthom anke fi blogg live tal-ġurnal SME li kien qed jirrapporta dak li kien qed jingħad fil-Qorti. Il-verdett kellu oriġinarjament jitħabbar fil-5 ta’ Awwissu iżda ċ-Chairperson tas-senat, l-Imħallef Ružena Sabová kienet ipposponiet il-ħruġ tal-verdett b’xahar, ftit tas-sigħat qabel is-smigħ oriġinali.

Il-Qorti llum ħelset lil Kočner u Zsuszsová mill-akkużi tal-qtil tal-ġurnalist u s-sieħba tiegħu. Ir-raġuni li tat għal dan kien li ma kienx hemm provi li dawn ikkommettew il-qtil. Intant, Tomáš Szabó weħel 25 sena ħabs talli pparteċipa fil-qti taż-żewġ persuni u l-qtil tan-negozjant Petr Molnár.

Intant, Kočner weħel multa ta’ €5,000 għax kien f’pussess ta’ armi illegali. Il-Qorti imponiet ukoll sentenza alternattiva ta’ ħames xhur ħabs.

Kuciak u Kušnírová nqatlu permezz ta’ tiri f’darhom viċin il-kapitali Bratislava fi Frar tal-2018. Il-qtil ħarbat ix-xena politika tal-pajjiż u wassal għal protesti b’70,000 persuna parteċipanti. Dan wassal sabiex Fico jirreżenja f’Marzu.

Missier il-ġurnalist assassinat qal li qed jgħixu f’pajjiż fejn kulħadd jaf min wettaq il-qtil ta’ ibnu iżda minn hu ħati ma jistax jiġi kkastigat. “Min hu ħati, miflok ikun ikkastigat jibqa’ negozjant kbir,” qal Jozef Kuciak.

Kočner kien qed jitqies bħala l-allegat moħħ wara l-qtil tal-ġurnalist Slovakk fl-2018.

Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista Maltija li wkoll kienet inqatlet ftit tax-xhur qabel Kuciak, qal permezz ta’ Twitter li l-falliment li ssir il-ġustizzja f’każijiet bħal dawn huwa falliment għall-Ewropa kollha.