​Qtil Ħamrun: “Rajtu jaqla’ d-daqqa tal-mewt” – omm il-vittma

Omm Brandon Pace, li nqatel b’sikkina waqt ġlieda fil-Ħamrun aktar kmieni dan ix-xahar, qalet li rat lil binha jaqla’ l-aħħar daqqa tal-mewt.
Dan qalu l-Ispettur Keith Arnaud, li kien ix-xhud ewlieni fil-kumpilazzjoni tax-xhieda li bdiet illum fil-konfront tal-missier u ibnu akkużati bil-qtil ta’ Pace.
Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, l-Ispettur stqarr li omm il-vittma kienet qalet lill-Pulizija, li ħin minnhom binha qam fuq saqajh, mexa ftit u waqa’, hekk kif il-missier tah daqqa’ ta’ sikkina f’dahru. Dan ġie miċħud mill-akkużat.
“Kollox beda minn telefonata”
Il-Qorti semgħet kif l-argument beda dakinhar stess fuq it-telefown, bejn is-sieħba tal-vittma Jessica Bilocca u omm l-akkużat. Id-diżgwid kien dwar iben Bilocca, li għandu sitt snin u li huwa wkoll iben wieħed mill-akkużati.
Instema’ wkoll kif ftit wara, l-akkużat u l-ġenituri tiegħu, marru b’żewġ karozzi quddiem ir-residenza ta’ Pace.  Omm Pace qalet lil Bilocca biex ma tħallix lil Pace jinżel isfel u niżlet hi biex tipprova tikkalma s-sitwazzjoni. Madanakollu ntlaqgħet minn wieħed mill-akkużati armat b’żewġ skieken tal-kċina. Minkejja l-parir ta’ ommu,  Pace niżel warajha armat b’sikkina.
“Tefgħulna l-madum mill-gallarija”
Omm u mart iż-żewġ akkużati, kienet qalet lill-Pulizija li wħud mill-membri tal-familja Pace tefgħu l-madum lejhom mill-gallarija.
Il-Qorti semgħet ukoll li mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post, il-familja tal-akkużati telqet biż-żewġ karozzi. Aktar tard ġew arrestati fid-dar tagħhom fi Gwardamanġa.
“Is-skieken tad-delitt ittellgħu minn sprall”
Hemmhekk l-investigaturi skoprew tbajja’ tad-demm fil-kuritur li jwassal għall-kamra tal-banju, flimkien ma’  tajjara u garża.  Iż-żewġ skieken li allegatament intużaw fil-ġlieda, ittellgħu minn sprall qrib ir-residenza tal-familja tal-akkużati. Skieken simili nstabu fil-kċina tal-istess residenza.
“Mort il-Ħamrun biex naffaċċja lill-eksieħba”
L-akkużat kien qal lill-Pulizija li hu mar il-Ħamrun biex jaffaċċja lill-ekssieħba tiegħu u li qatt ma kellu l-intenzjoni li jattakka lil Pace. Madanakollu qal ukoll li mar armat għax ma jafdax it-temperament ta’ Pace u li rritalja meta Pace attakka lil missieru.
Filmati mill-kameras tas-sigurtà li hemm fit-triq u barra r-residenza tal-akkużat ġew skrutinizzati. Ma dehritx il-ġlieda proprja, iżda ġew irrekordjati l-movimenti taż-żewġ naħat.
X’sabu l-Pulizija xħin waslu fuq il-post tad-delitt?
L-Ispettur Arnaud spjega li mal-wasla tagħhom fuq il-post tad-delitt, il-Pulizija sabu lil Pace mixħut mal-art bla ħajja quddiem l-entratura tal-blokk ta’ appartamenti fi Triq Giovanni Barbara.
Żied jgħid li Pace, li wiċċu kien f’għadira demm, kellu żewġ feriti b’sikkina fuq sidru u kien liebes qalziet qasir u kien ħafi.
L-Ispettur Arnaud qal li fuq il-post kien hemm madum imkisser u tbajja’ ta’ demm.
Informa lill-Qorti li m’hemmx bżonn aktar ta’ Pulizija għassa fuq ix-xena tad-delitt.