Qtil Ħamrun: Talba biex l-akkużati jinżammu Monte Carmeli flok il-ħabs

Żagħżugħ ta’ 23 sena u missieru ta’ 53 sena wieġbu mhux ħatja għall-akkuża li qatlu lil Brandon Pace.
Il-missier tressaq taħt arrest, hekk kif kien ma' ibnu meta seħħ il-qtil ​u qed ikun akkużat ukoll li hedded b’sikkina lil oħt il-vittma.
Iż-żagħżugħ kien akkużat ukoll li ta daqqiet ta' sikkina lis-sieħba tal-vittma.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest dan minħabba li fil kliemha għadha ma nġabritx il-kumpilazzjoni kollha u għadha ma ġietx konkluża l-inkjesta.
Id-difiża talbet li jinżammu fis-sezzjoni forensika tal-isptar Monte Carmeli għas-sigurtà personali tagħhom. Dan hekk kif fil-ħabs ta' Kordin hemm żewġ qraba tal-vittma.
Fil-Qorti nstema' wkoll li l-missier akkużat ma jaħdimx, filwaqt li l-akkużat qattiel jaħdem bħala xufier.
Fil-Qorti nħasset it-tensjoni hekk kif preżenti kien hemm il-qraba tal-vittma u tal-aggressur.
Brandon Pace, li nqatel nhar il-Ħadd li għadda fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun sofra ħames daqiet ta’ arma li taqta’ li ppenetraw l-organi vitali tiegħu, fosthom qalbu.
Mill-investigazzjonijiet jidher li l-argument qam minħabba li allegatament it-tifel tal-aggressur kien qed jiġi stmat ħażin mill-vittma.
Times of Malta rrapurtat li l-argument bejn missier it-tifel u s-sieħeb tal-eks mara tiegħu beda ġimgħat ilu fuq l-midja soċjali, bl-argument kompla jikber fl-aħħar jiem.
Dakinhar tal-qtil, il-vittma u l-aggressur argumentaw fuq it-telefown.
Madankollu t-telefonata ma ħalliet ebda riżultat hekk kif l-aggressur mar id-dar tal-vittma mal-ġenituri tiegħu u ħuħ.