​Qtil Ħamrun: “Ħallih ħa jmut” – wieħed mill-akkużati

Omm Brandon Pace, li nqatel aktar kmieni dan ix-xahar f’delitt fil-Ħamrun qalet lill-Pulizija li meta bdiet tgħajjat “qtiltuli, qtiltuhuli”, semgħet lil wieħed mill-akkużati jgħid, “ħallih imut”.
Dan qalu l-Ispettur Elliot Magro, fix-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ missier u iben minn Gwardamanġa, akkużati bil-qtil ta’ Pace.
Waqt li kkwota l-istqarrijiet tal-akkużati u l-qraba tagħhom u tal-vittma, l-Ispettur semma kif omm il-vittma qalet li ftit wara l-argument bit-telefown bejn is-sieħba ta’ binha u omm u mart l-akkużati, semgħet tisbit mal-bieb komuni.
“Rajt liż-żewġ akkużati fit-triq armati bis-skieken”
Lill-Pulizija omm il-vittma qaltilhom li meta ttawlet mill-gallarija rat liż-żewġ akkużati fit-triq armati bis-skieken. Żiedet tgħid li binha Brandon kien qed jinħasel u sakkret il-bieb biex ma joħroġx. Sadanittant is-sieħba tiegħu kienet fil-gallarija twaddbilhom biċċiet tal-madum.
“La jien u lanqas żewġi ma kellna skieken”
L-Ispettur Magro semma wkoll l-istqarrija ta’ omm u mart l-akkużati, li qalet li dakinhar kienu kollha l-Korsa tal-Marsa, u t-tifel ta’ sitt snin, li fuqu nqala’ l-argument,  kien qiegħed magħhom. Qalet ukoll li la hi u lanqas żewġha ma kellhom skieken.
Binha, wieħed mill-akkużati, kien qal lill-Pulizija li missieru ma kellux sikkina fuqu.
“It-tifel kien jiġu lura maħmuġ u bil-ġuħ”
L-akkużat, missier it-tifel, qal li sa tliet snin ilu hu u l-vittma kienu ħbieb u li l-ħbiberija tagħhom iddeterjorat, meta l-vittma beda joħroġ mal-ekssieħba tiegħu. Qal ukoll kif meta binhom kien jiġi lura mingħand l-ekssieħba u l-vittma, kien ikun maħmuġ u bil-ġuħ.
Il-każ se jkompli nhar l-Erbgħa f’nofsinhar.