Qtil Ħamrun: “Ħa l-aħħar nifs f’idejja” – oħt il-vittma

Oħt Brandon Pace, li nqatel aktar kmieni dan ix-xahar f’delitt fil-Ħamrun qalet fil-Qorti li ħuha ħa l-aħħar nifs f’idejha.
Hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ missier u ibnu minn Gwardamanġa, akkużati bil-qtil ta’ Pace, Donna Pace, irrakkuntat kif kienet għaddejja mill-post tad-delitt b’kumbinazzjoni.
Qalet li kien għall-ħabta tas-6.30pm tal-Ħadd filgħaxija, li kienet għaddejja minn quddiem id-dar tal-ġenituri tagħha hekk kif kienet sejra tiġbor kejk għall-festin ta’ għeluq snin bintha.
Donna Pace spjegat li dak il-ħin rat l-argument bejn l-akkużati u ħuha Brandon, fil-preżenza ta’ ommha u s-sieħba tal-vittma.  Rat ukoll madum jintefa’ mill-gallarija.
Irrakkuntat kif ħin minnhom ħatfet lil ħuha minn qaddu u ppruvat iżżommu lura.
Oħt il-vittma stqarret li ħuha qal lil wieħed mill-akkużati, li ma jridx jikkonfrontah għax huwa anzjan.
"Tah daqqiet b'sikkina safra"
Spjegat kif f’daqqa waħda hi u ħuha waqgħu mal-art, u  li kien f’dak il-mument li rat lill-akkużat jagħti daqqiet ta’ sikkina lil ħuha, b’sikkina safra.
Qalet li ftit wara ħuha qam minn mal-art u pprova jimxi lejn il-blokka ta’ appartamenti. Kompliet tgħid li dak il-ħin rat lill-akkużat l-ieħor jagħtihielu f’dahru.
“Ftit wara, ħija waqa’ u ħa l-aħħar nifs f’idejja,” kompliet tixhed oħt il-vittma.
Donna Pace qalet li hi tat daqqa ta’ ponn lil wieħed mill-akkużati hekk kif dar biex jagħtiha daqqa ta’ sikkina.
Ammettiet li marret għall-karozza biex tgħaddi minn fuq l-aggressuri li qatlu lil huha, “imma laħqu telqu minn fuq il-post”.