Qtil Ħal Għaxaq: Il-missier u l-iben kienu ilhom xhur jiġġieldu fuq flus

Ritratt fl-isfond: Miguela Xuereb

Il-Qorti llum semgħet kif Antoine Dalli, il-vittma ta’ delitt, u missieru, li allegatament qatlu, kienu ilhom xhur jargumentaw fuq flus.

Dan intqal fil-kumpilazzjoni tal-evidenza dalgħodu quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia kontra l-missier ta’ 68 sena, akkużat bil-qtil ta’ ibnu, li kellu 37 sena.

Kien fis-7 t’Awwissu li Antoine Dalli nqatel b’tir fl-istonku fir-residenza ta’ missieru fi Triq il-Gudja f’Ħal Għaxaq.

L-Ispettur Keith Arnaud mill-Prosekuzzjoni llum ippreżenta għadd ta’ xhieda li semmew tilwimiet differenti fil-familja Dalli tul din l-aħħar sena. Il-vittma u ħuh kienu qegħdin jiġġieldu fuq flus ukoll, u kien hemm anke theddid bejniethom. Antoine kien tkeċċa mid-dar tal-familja fil-bidu tas-sajf minħabba dan id-diżgwid.

Lejlet il-qtil, il-missier u l-iben kellhom ġlieda li fiha kellhom jintervjenu l-pulizija. Il-Kuntistabbli Rodney Zammit mill-għassa taż-Żejtun qal lill-Qorti li fis-6 t’Awwissu daħal rapport li Antoine qal li missieru se joqtlu. L-argument beda għax il-missier ried ikeċċi lil ibnu mid-dar, u din ma kinitx l-ewwel darba li argumentaw fuq hekk.

Dakinhar tal-qtil, għall-ħabta tal-4am, Antoine ċempel lil ħuh u qallu li se jagħmel kulma jista’ biex jara li l-Qorti toħodlu l-kustodja ta’ wliedu. Xi siegħa wara reġa’ ċempillu u qallu li se jaħraqlu d-dar. Il-Pulizija temmen li dan it-tilwim kien ġej minn diżgwid finanzjarju bejn il-familja fuq self li baqa’ ma ngħatax lura.

Surġent ieħor, Aaron Caruana, iddiskuta ġlieda bejn il-missier u l-iben li seħħet madwar xahar qabel il-qtil. Il-Qorti semgħet ukoll kif l-akkużat allegatament attakka lil mara f’darha bil-mus fi Frar li għadda. Minkejja li dan mhux marbut mal-każ, il-Prosekuzzjoni qalet li qed issemmiha biex il-Qorti tifhem x’tip ta’ persuna hu l-akkużat.

Il-vittma kien ġie arrestat f’Jannar għax inqabad b’senter tal-kaċċa fid-dlam.

L-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Kathleen Calleja Grima qed jidhru parte civile, filwaqt li l-Avukat Lenox Vella qed jidher għall-akkużat.