Qtil Ħal Far: “Qtil razzist qatt ma jkun iżolat iżda marbut ma’ kuntest”

Każijiet ta’ qtil b’motivazzjoni razzista, iseħħu fejn iseħħu, qatt ma jkunu inċidenti iżolati iżda huma dejjem marbuta ma’ kuntest ta’ inugwaljanza u aġir ta’ mibegħda normalizzat.

Dan qalitu l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fi stqarrija li fiha esprimiet tħassib kbir dwar il-fatt li żewġ suldati ttellgħu l-Qorti akkużati bil-qtil b’motivazzjoni razzista ta’ Lassana Cisse Souleymane u l-feriment ta’ żewġ immigranti Afrikani f’Ħal Far fis-6 ta’ April.

L-NCPE tqis dan l-inċident bħala att kriminali tal-ikbar gravità, fejn persuna inqatlet minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha, f’azzjoni li nisslet biża f’komunitajiet f’Malta.

Fakkret kif f’Malta hawn ħafna vittmi ta’ din il-mibegħda.

L-NCPE awgura li d-dieqa u l-allarm mifruxa li hawn madwar dan il-każ joħolqu proċess trasformattiv lejn pajjiż aħjar u aktar inklussiv, minn kulħadd u għal kulħadd.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu qal li huwa qatt ma sema’ argumenti biex tintrefa’ responsabbilità politika f’każi bħal qtil kiesaħ u biered tar-raġel mill-Kosta tal-Ivorju.

AQRA: Qatt ma smajt argumenti biex tintrefa’ responsabbiltà politika – PM