Qtil Ħal Far: Jinsisti li ma qatel lil ħadd

Read in English.

Wieħed miż-żewġ suldati akkużati bil-qtil ta’ raġel mill-Kosta tal-Avorju insista diversi drabi waqt l-interrogazzjoni li hu ma qatel lil ħadd. Lorin Scicluna, suldat ta’ 22 sena, qed jiġi akkużat flimkien mal-kollega tiegħu Francesco Fenech ta’ 21 sena bil-qtil motivat minn razziżmu ta’ Lassana Cisse Souleymane waqt li dan kien miexi f’Birżebbuġa fis-6 ta’ April li għadda.

Waqt l-interrogazzjoni Lorin Scicluna kien inizjalment qal lill-interrogaturi li huwa kera l-karozza lil raġel Sirjan li rritornahielu bil-ħġieġ imkisser. Il-Pulizija jidher li ma kinux emmnu din l-istqarrija. Eventwalment Lorin Scicluna spjega lill-Pulizija kif ħa s-senter biex jispara għall-qtates. Francesco Fenech kien fuq is-sit tal-passiġġier u f’daqqa waħda miel fuq Scicluna li kien qed isuq u spara madwar erba’ tiri mill-karozza.

Fis-seduta tal-Qorti tkellem ukoll kollega tal-vittma li kien jaħdem bħala ħaddied f’Ħal Far li ddeskriva lil Cisse bħala bħala raġel twajjeb u li qatt ma kellu problemi ma’ ħadd. Il-każ ikompli jinstema’ f’Diċembru.