Qtil Ħal Far: Il-FAM taħtar bord ta’ inkjesta interna

Luke Zerafa

Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ħabbar li l-Forzi Armati ħatret bord ta’ inkjesta interna wara li żewġ membri tagħha tressqu fil-Qorti akkużati bil-qtil ta’ immigrant f’Ħal Far.

Huwa qal li din l-inkjesta trid tistabbilixxi jekk fi ħdan il-Forzi Armati hemmx elementi li qed jippromwovu kultura razzista kif ukoll trid tiżgura li fl-istess taħriġ tal-armata diġà jeżisti tagħlim li jippromwovi tolleranza favur razez differenti.

Aqra: Filmat: “Jien mhu qed ngħatti lil ħadd” – Farrugia

Meta kien qed jagħmel stqarrija ministerjali fil-Parlament, il-Ministru Farrugia qal li jrid juri d-dispjaċir u d-diżappunt teigħu li membri tal-korp dixxiplinat qed jiġu akkużati b’dan il-qtil attroċi. Saħaq li madanakollu, dan m’għandux jifta’ dell ikrah fuq il-membri l-oħra tal-Forzi Armati li jirriskjaw ħajjithom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Aqra: Qtil Ħal Far: Biżżejjed evidenza biex jitpoġġew taħt att ta’ akkuża

Huwa qal li din l-amministrazzjoni tejbet il-proċess ta’ skrutinju għar-rekluti ġodda fejn issa qed tintalab il-fedina penali apparti ċ-ċertifikat tal-kondotta, waqt li l-applikant irid jiddikjara li m’għandu l-ebda każ pendenti fil-qorti.

Aqra: Filmat: Qtil Ħal Far: Qatt ma smajt argumenti biex tintrefa’ responsabbiltà politika – PM

Min-naħa tiegħu d-deputat Laburista Byron Camilleri stqarr li fil-passat taħt amminstrazzjoni oħra kien hemm każ simili fejn membru tal-Forzi Armati qatel immigrant u ħadd ma refa’ r-responsabbiltà politika.

Tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li stqarr li ż-żewġ suldati ddaħħlu fl-Armata qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet “għax huma żewġ partitarji Laburisti kbar”.

Aqra: Filmat: Qtil Ħal Far: “Responsabbiltà politika minħabba dak li qal l-Ombudsman”