Qtil Ħal Far: Ikkonfermat il-ħelsien mill-arrest

Qorti tal-Appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-ħelsien mill-arrest għaż-żewġ suldati akkużati bil-qtil motivat minn mibiegħda razjali ta’ Soulayman Lassana Cisse.

Iktar kmieni dax-xahar, huma nħarġu mill-ħabs fuq pledge b’depożitu ta’ €30,000, b’garanzija personali ta’ €20,000 u għandhom jibqgħu d-dar bejn is-7pm u s-6am kuljum. Huma ġew ordnati wkoll jiffirmaw fl-għassa tal-Pulizija.

L-Avukat Ġenerali (AĠ) appella din id-deċiżjoni, u qal li hemm biża ta’ diżordni pubblika jekk dawn l-irġiel jitħallew joħorġu mill-ħabs sakemm jistennew il-proċeduri fil-Qorti. Però, l-Imħallef Edwina Grima qalet li ma tarax għalfejn tibdel din id-deċiżjoni.

Hi qalet li hemm l-elementi kollha li titlob il-liġi biex jingħata l-ħelsien proviżorju liż-żewġ suldati. Barra minn hekk, qalet li l-kundizzjonijiet huma stretti, u li l-akkużati qed jobduhom sew. Ukoll, sostniet li m’hemmx biża li l-provi jiġu kontaminati meta x-xhieda prinċipali diġa’ taw ix-xhieda tagħhom.

Il-Qorti qalet li l-fatt li l-każ huwa motivat minn razziżmu għad irid jiġi stabbilit, jiġifieri l-argument tal-AĠ ma jreġiex peress li jrid ikun hemm “riskju reali”.

B’hekk, il-Qorti ċaħdet l-appell tal-AĠ.