Qtil Ħal Far: Iddaħħlu qabel l-elezzjoni; Laburisti kbar – BFA

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami stqarr li ż-żewġ suldati akkużati bil-qtil ta’ immigrant f’Ħal Far, kienu ddaħħlu fil-Forzi Armati ta’ Malta qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet “għax huma żewġ partitarji kbar Laburisti”. Irrimarka li kienu membri ta’ grupp imsejjaħ ‘Laburisti sal-mewt’.

Fil-Parlament, wara d-diskors tal-Ministru għall-Intern Michael Farrugia, Dr Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitlob li tintrefa’ r-responsabbiltà politika u li tinfetaħ inkjesta biex jiġi stabbilit kif dawn spiċċaw fl-armata.

L-MP Nazzjonalista saħaq li minkejja dak li qed jgħid il-Ministru, li tjieb il-proċess tal-għażla, “dan il-qtil kiesaħ u biered kien ċertifikat li s-sistema falliet. Ċertifikat ta’ falliment tas-soċjetà Maltija, fejn żewġ żgħażagħ ta’ 22 sena ħassew li f’Malta hawn ambjent faċli li wieħed joħroġ bil-karozza bl-intenzjoni li joqtol persuna”.

“Żorthom f’darhom u offrejtilhom għajnuna?” – Busuttil lill-Ministru

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li jidher li ħadd m’għandu l-ħsieb li jerfa’ r-responsabbiltà politika, lanqas il-Kap kmandant tal-Forzi Armati. Staqsa lill-Ministru jekk kienx żar liż-żewġ immigranti feruti fl-istess inċident fid-dar tagħhom u jekk dawn ġewx offruti l-għajnuna meħtieġ biex joħorġu mit-trawma li jinsabu fiha.

“Veru li wieħed minnhom instab ħati fuq reat sesswali?” – Aquilina lill-Ministru

Karol Aquilina staqsa lill-Ministru jgħid jekk hux veru li wieħed mill-akkużati kien instab ħati wara li ammetta reat sesswali fejn saħansitra ntalbet l-għajnuna tal-Interpol biex jissolva l-każ.

Hawn intervjena l-Ministru li qal li ż-żagħżugħ dak iż-żmien kien għadu taħt l-età u ma jafx għandux permess mill-qrati biex jitkellem fuq dan il-każ.

Fi Stqarrija Ministerjali llejla, il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ħabbar li l-Forzi Armati ħatret bord ta’ inkjesta interna wara li żewġ membri tagħha tressqu fil-Qorti akkużati bil-qtil ta’ immigrant f’Ħal Far.

Qtil Ħal Far: Il-FAM taħtar bord ta’ inkjesta interna