​Qtil gwardjana f’Għawdex: Jitlef l-appell; ċans għall-parole

Raġel li qatel gwardjana lokali fl-2001 tilef l-appell tas-sentenza li rċieva fl-2010, iżda se jingħata ċ-ċans li jiġi kkunsidrat għall-parole wara li jservi sentenza minima ta’ 30 sena ħabs, jiġifieri fl-2040.
John Attard, magħruf bħala “il-Muħa” ngħata għomor il-ħabs wara li qatel lil Fortunata Spiteri, gwardjana lokali, f’Għawdex.
Attard kien appella s-sentenza għax sostna li l-imħallef kien uża ton ta’ vuċi, kif ukoll struzzjonijiet li affettwaw b’mod negattiv id-deċiżjoni tal-ġurati fil-konfront tiegħu.
Il-Qorti nsistiet li l-Imħallef ma kienx żvija mil-linjigwida li normalment jintużaw fi provi tal-ġurija. Sostniet li fis-smigħ tal-2010, l-Imħallfin qatt ma eskludew il-ħelsien tal-ġurija u ħallewhom jiddeċiedu fil-libertà, mingħajr l-ebda ndħil.
Kien analizzat ukoll kliem l-Imħallef, li skont il-Qorti ma kellu l-ebda tip ta’ żbilanċ u għaldaqstant ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn l-akkużat kellu jappella.
L-appell ta’ Attard kien jgħid ukoll li l-ġurati għamlu valutazzjoni skorretta tal-informazzjoni u l-evidenza. Dwar dan il-Qorti qalet li l-akkużat kien irrakkonta l-avveniment b’mod inkonsistenti li ma qabilx ma dak li raw xhieda tal-każ, u għaldaqstant ma seta jħalli l-ebda dubju f’moħħ il-ġudikatura li kien hu li instiga l-qtil.
Il-Qorti sostniet li ma tistax tinjora l-fatt li dan kien qtil ta’ persuna li kienet qed twettaq id-dmirijiet pubbliċi tagħha, sabiex titwaqqaf milli tagħmel propju dan.
Kompliet tgħid li persuni li jkunu qed jagħtu servizz pubbliku għadhom ikunu protetti.