Qtil Għawdex: L-Avukat jispjega għaliex il-ħati tnaqqsulu x-xhur

Wara li lbieraħ sar magħruf li Gerald Galea, li nstab ħati bl-omiċidju tal-Qbajjar, ingħata sentenza ta’ 15-il xahar ħabs, iżda se jkun qed jagħmel xahrejn biss, kienu ħafna dawk li kkumentaw fuq il-midja soċjali u qalu li din mhijiex ġustizzja.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Jason Azzopardi, wieħed mill-Avukati tad-Difiża f’dan il-ġuri li spjega għalfejn Gerald Galea se jkun qed iqatta’ ftit iżjed minn xahrejn biss fil-ħabs.
Dr Azzopardi spjega li l-ewwel u qabel kollox il-piena massima ta’ omiċidju hija ta’ għomor il-ħabs iżda f’dan il-każ id-Difiża waslet lill-Qorti biex tifhem li l-akkużat kien ipprovokat u ma kellux kontroll totali tal-azzjonijiet tiegħu.
Kien għalhekk, li Gerald Galea ngħata s-sentenza ta’ 15-il xahar ħabs.
Dr Azzopardi kompla jispjega li bil-liġi, minn dawn ix-xhur iridu jitnaqqsu dawk li matulhom l-akkużat ikun għamel arrestat. F’dan il-każ, Gerald Galea kien diġà għamel erba’ xhur arrestat.
Apparti minn hekk, hemm dak magħruf bħala remission fejn priġunier li jkun ġab ruħu tajjeb, jitnaqqsulu erba’ xhur kull sena mis-sentenza tiegħu.
Kien għalhekk li Gerald Galea, li fi kliem Azzopardi ġab ruħu tajjeb u kkopera mal-Pulizija, se jkunu qed jitnaqqsulu tmien xhur, erba’ għal kull sena u għalhekk ikun liberu sal-aħħar ta’ Jannar.
“Il-ġurati emmnu lil Gerald Galea li ma kienx hu li wassal għall-inċident”
Minkejja li l-klijent tiegħu nstab ħati, Dr Azzopardi kiteb fuq Facebook li f’dan il-każ saret ġustizzja u ddeskriva s-sentenza bħala “rebħa kontra kull kurrent.”
Dr Azzopardi spjega li l-verdett tal-ġurija, sitta kontra tlieta, ġab fix-xejn dak li kienet qed tgħid il-prosekuzzjoni, jiġifieri li kien Galea li pprovoka l-inċident.
Għal iżjed minn darba, Azzopardi ddeskriva lil Gerald Galea bħala bniedem tal-affari tiegħu, raġel kwiet u ġentlom li bilkemm tisimgħu jitkellem u li dak li għamel kien riżultat tal-uġigħ li ġarrab u mhux għax ried joqtol lil Spiteri.
Fakkar f’dak li qal l-espert forensiku fil-Qorti meta qal li Gerald Galea kellu ġrieħi gravi, fosthom ħames għadmiet ta’ wiċċu miksura, ikkawżati minn daqqiet ta’ ponn ta’ Spiteri, tant li Galea la seta’ jara u lanqas jirraġuna.
Għalhekk saħaq li dak il-ħin kienet l-andrenalina li kienet qed tmexxi l-persuna u mhux il-moħħ.
“Aħna fil-Qorti dejjem ngħidu li l-akkużat għandu jieħu dak li ħaqqu,” qal Azzopardi. “Imma jekk jien ħati ta’ kwart, għalfejn għandi neħel ta’ nofs kilo.”
Fil-każ ta’ Gerald Galea, Azzopardi spjega li l-akkużat kien ħati tal-omiċidju iżda kien skużabbli b’offiża gravi fuq il-persuna tiegħu.
Kompla jispjega li l-piena massima, meta jkun hemm offiża fuq il-persuna, f’dan il-każ il-ksur, hija ta’ sentejn iżda l-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni dawn il-fatturi kollha, u anke l-fatt li Galea kkopera mal-Pulizija.
“Ilbieraħ rebħet il-ġustizzja”
Kien għalhekk li Dr Azzopardi qal li hu flimkien ma’ Dr Arthur Azzopardi għenu lill-Qorti tasal għall-verità u tagħmel ġustizzja.
Qal li f’dan il-ġuri, rebħet il-ġustizzja u saħaq dwar l-importanza li l-ġustizzja ssir skont il-liġi iżda wkoll li l-liġi tkun applikata bil-ġustizzja.
X’ġara eżatt f’dan il-każ?
Il-każ seħħ fid-19 ta’ Ġunju tal-2013 għall-ħabta tat-3pm, fil-parkeġġ tal-Qbajjar, limiti ta’ Marsalforn, wara tilwima fuq siġra bejn l-akkuża, il-Spiteri u ibnu.
Skont Jason Azzopardi, Gerald Galea għex 40 sena l-Amerika u kien jieħu ħsieb park kbir u li  l-ambjent baqa’ dejjem għal qalbu. Meta ra lill-vittma u lil ibnu jqaċċtu siġra protetta, ġibdilhom l-attenzjoni, minkejja li huma qalu li qed jagħmlu dan minħabba l-ġrieden.
Meta heddidhom li se jirrapurtahom, l-irġiel ġew fl-idejn u wara li qala’ xebgħa tajba, Galea ġera wara Spiteri, li skont dak li ntqal fil-Qorti, waqa’ u Galea għadda minn fuqu bil-karozza.
Galea ma nstabx ħati bl-attentat ta’ qtil ta’ iben il-vittma, u lanqas instab ħati li għamel ħsara fil-vetturi li kienu involuti fl-inċident.