Qtil f’Birżebbuġa: x’nafu s’issa?

Ir-rapporti fil-gazzetti lokali qegħdin jittrattaw il-qtil tal-bieraħ bħala “drive-by shooting”, jiġifieri li l-qattiel kien għaddej b’karozza u spara lill-vittma u liż-żewġ irġiel feruti, li kienu fit-triq, minn ġol-karozza stess.

The Malta Independent tgħid li hu mifhum li l-isparaturi ġew min-naħa tal-passiġġier. Skont The Times of Malta, il-pulizija għadhom qegħdin ifittxu lil dak li spara u l-karozza li kien qed isuq, li allegatament hija Toyota Starlet bajda.

Il-każ ġara nhar is-Sibt filgħaxija, għall-ħabta tal-11pm, fi Triq tal-Ġebel f’Birżebbuġa. Din it-triq tagħti għal Ħal Far u hi magħrufa li hi sikwit iffrekwentata minn immigranti li jkunu sejrin lejn iċ-Ċentru f’Ħal Far.

Aġġornata: Argument bejn tliet barranin f’Birżebbuġa jispiċċa f’delitt

Dawk involuti:

  • Il-vittma: Lassibe Souleymane ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju, li skont il-ġurnali L-Orizzont u The Malta Independent, inqatel permezz ta’ tir f’rasu.
  • Ġuvni ta’ 22 sena li joqgħod Ħal Far, li qed isofri minn ġrieħi gravi. Skont The Malta Independent, il-ġuvni hu mill-Ghana.
  • Raġel ta’ 45 sena, li oriġinarjament ingħad li hu mill-Georgia, iżda aktar tard, il-Pulizija qalet li l-identità tiegħu għadha mhix konfermata.

Kemm The Times of Malta u The Malta Independent qalu li wieħed miż-żewġ vittmi li salvaw saritlu operazzjoni fil-parti t’isfel ta’ ġismu lbieraħ. Is-sit TVM qal li ż-żewġ irġiel ħadu tir mill-arma tan-nar.

The Malta Independent jirrakkonta li l-pulizija marru fuq il-post meta rċivew telefonata dwar tiri li nstemgħu fiż-żona. Xi rapporti qalu wkoll li kien wieħed mill-vittmi li ċempel lill-pulizija. Huma lemħu ż-żewġ iġsma mal-art u ċemplu ambulanza għalihom. Ftit wara, ftit ‘il bogħod, lemħu ġisem ieħor, u dan ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

L-Orizzont jgħid li m’hemm xejn li jorbot lill-vittmi flimkien ħlief li nzertaw kienu mexjin fl-istess triq. Skont In-Nazzjon, il-Pulizija għandha suspett li l-persuni involuti kienu ġejjin minn gruppi differenti ta’ kriminalità organizzata. The Times of Malta qalet li dan il-qtil jaf kien ġej minn mibegħda razzjali, peress li t-triq ġieli rat inċidenti razzjali, bħal immigrant li ttajjar, allegatament b’hit and run.

Il-Pulizija qed tinvestiga filmati mill-kameras tas-sigurtà taż-żona. Infetħet inkjesta dwar il-każ immexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Dan kien it-tielet qtil tal-2019, peress li ftit tal-ġimgħat ilu, Joseph Bonnici allegatament qatel lil ommu Marija Lourdes Bonnici u oħtu Angele Bonnici fi qtil imdemmi. Huwa għandu jitressaq il-qorti għat-tieni darba fil-jiem li ġejjin.

L-ewwel terz tas-sena 2019 mdemmi b’żewġ delitti