Qtil doppju Tas-Sliema: Ippubblikat filmat tal-arrest ta’ suspettat fi Spanja

Read in English.

Il-Pulizija Nazzjonali Spanjola ppubblikat filmati tal-arrestat tat-tielet suspettat fil-qtil doppju f’Tas-Sliema, bl-arrest ikun f’lukanda f’Cadiz fin-nofsinhar ta’ Spanja. Iċ-ċittadin Daniż huwa suspettat bl-involviment tiegħu fil-każ tal-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowsk. Dan il-qtil seħħ nhar it-18 ta’ Awwissu f’residenza fi Triq Locker f’Tas-Sliema.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Pulizija f’Malta qalet huwa ġie arrestat permezz ta’ ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u dik Spanjola mhejjunin mill-Interpol.

Il-Pulizija Spanjola qalet li stabilixxiet sistema komprensiva ta’ sigurtà biex twettaq l-arrest minħabba li r-raġel seta’ kien ta’ periklu għalihom.

Issa mistenni li jinbdew il-proċeduri fil-Qrati Spanjoli biex is-suspettat jiġi estradit lejn Malta fejn mistenni jitressaq il-Qorti.

Fil-Qorti Maltija għaddejja l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ wieħed mill-akkużati bil-qtil doppju f’Tas-Sliema.