Qtil Doppju: Jgħid li kien fi stat ta’ ġenn meta qatel lil ommu u lil zitu

Read in English.

Ir-raġel li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ ommu u zitu fil-Għargħur lura fl-2018 qed jgħid li għamel dan meta kien fi stat ta’ ġenn. Dan ħareġ minn rikors ippreżentat fil-Qorti llum qabel ma titkompla l-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar il-każ fil-31 ta’ Lulju.

Kevin Micallef, li għandu 44 sena qed ikun akkużat li fit-23 ta’ Lulju tal-2018 fil-Għargħur qatel volontarjament lil żewġ persuni, Antonia Micallef li hija ommu u Maria Camela Fenech li hija zitu. Fir-rikors jingħad ukoll li l-akkużat mhux biss kien fi stat ta’ ġenn fiż-żmien tal-qtil, iżda wkoll fiż-żmien tal-kumpilazzjoni.

Il-każ seħħ kien seħħ għall-ħabta tas-6.30am fi Triq Fidiel Zarb. Ir-raġel li dak iż-żmien kellu ta’ 42 sena mill-Għargħur allegatament aggredixxa lin-nisa b’arma bil-ponta. In-nisa nstabu feruti fil-washroom tar-residenza. Ir-raġel kien mimli bid-demm meta fetaħ il-bieb tad-dar lill-Pulizija. Dawn sabu lill-omm l-aggressur mixħuta mal-art f’għadira demm, u ttieħdet l-isptar Mater Dei fejn mietet ftit wara. Il-mara l-oħra ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.

Is-suspettat kien arresta mill-Pulizija mill-ewwel u għall-aħħar sentejn, kienet qed tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-Qorti dwar il-każ.

Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukat Francois Dalli.