Aġġornata: Qtil doppju: Il-Qorti tikkritika lill-AĠ għal amministrazzjoni ħażina; L-AĠ iwieġeb

Read in English.

Il-Qorti tal-Maġistrati dalgħodu lmentat dwar l-immaniġġjar tal-każijiet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, wara li d-dokumenti dwar il-qtil doppju f’Ħal Għaxaq, waslu l-qorti fl-istess għodwa tas-smigħ li kien imiss. L-ilment sar mill-Maġistrat Joe Mifsud, li qed jippresiedi l-każ tal-Prosekuzzjoni kontra Joseph Bonnici, akkużat li qatel lil ommu Marija Lourdes u oħtu Angele f’Marzu li għadda.

Il-Prosekuzzjoni ma setgħetx issejjaħ lil xi nies biex jixhdu peress li r-rekords tal-kumpilazzjoni waslu l-qorti mill-Uffiċċju tal-AĠ fid-9 ta’ dalgħodu. Il-Maġistrat qal li dan id-dewmien “iqajjem mistoqsijiet serji dwar l-immaniġġjar tal-każijiet mill-Uffiċċju tal-AĠ.”

Il-Qorti ordnat li l-AĠ Peter Grech u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jingħataw kopja ta’ din il-minuta.

Qtil Doppju: “Skantani għax tifel kwiet” – missier l-akkużat

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħareġ stqarrija ffirmata mill-Aġent Avukat Ġenerali, Philip Galea Farrugia, li tgħid li filwaqt li l-Uffiċċju se jwieġeb formalment għal din l-allegazzjoni, iħoss li f’dan l-istadju għandu jiċċara s-segwenti fatti għas-sodisfazzjon tal-pubbliku. Huwa kompla jgħid li l-Uffiċċju rċieva l-atti tal-kawża għall-ewwel darba fid-29 ta’ April. Wara estensjoni taż-żmien maħruġa mill-Qorti Kriminali fuq talba tal-Uffiċċju, l-istess Uffiċċju kellu sat-12 ta’ Ġunju biex jeżamina l-atti u joħroġ rinviju jew att ta’ akkuża.

L-istqarrija tgħid li propju sabiex ma tinħeliex seduta, ġaladarba l-Uffiċċju kien jaf li kien hemm seduta skedata għat-3 ta’ Ġunju quddiem il-Maġistrat, l-Uffiċċju ma żammx l-atti għandu sat-12 ta’ Ġunju iżda bagħathom lill-Qorti biex tkun tista’ ssir is-seduta.

Fl-istess seduta nstemgħu numru ta’ xhieda esperti li kienu imħarrka għal dan il-għan mill-Pulizija. L-Uffiċċju tal-AĠ temm jgħid li l-Qorti tal-Maġistrati kienet infurmata (permezz ta’ email li ntbagħtet lid-Deputat Reġistratur tal-Maġistrat fid-29 ta’ Mejju) li minkejja l-proroga msemmija, l-Uffiċċju kien se jibgħat l-atti biex tkun tista’ ssir is-seduta tat-3 ta’ Ġunju.

L-Uffiċċju tal-AĠ qal li għaldaqstant huwa kkopera mal-Qorti, anzi għamel iżjed milli tinħtieġ minnu l-liġi fiċ-ċirkostanzi, “u assolutament mhuwiex il-każ li huwa responsabbli għal xi amministrazzjoni ħażina (‘mismanagement’) jew dewmien f’dawn il-proċeduri.”

Ippreżentata l-mazza li ntużat fil-qtil

Kif kompliet il-kumpilazzjoni, l-esperta forensika Marisa Cassar ippreżentat il-mazza li allegatament intużat mill-akkużat wara li dan spara lill-vittmi. Għalkemm ma kinitx viżibbli għax kienet ġo borża bajda tal-karti, l-arma dehret li kellha manku twil. Cassar qalet li hi kkumparat il-kampjuni tad-DNA fuq il-mazza mal-profili tad-DNA tal-allegat qattiel u ż-żewġ vittmi tiegħu.

Qtil doppju: “M’hemmx x’tagħmel la l-moħħ ħadem hekk” – Bonnici

Dwar il-filmati mill-kameras tas-sigurtà

Illum xehed ukoll l-espert tal-IT Martin Bajada, li ngħata l-irwol li jniżżel u janalizza l-filmati tal-kameras tas-sigurtà f’diversi postijiet marbuta mal-qtil. Fost dawn il-filmati, kien hemm wieħed mill-uffiċċju fejn kienet taħdem Angele Bonnici, waħda mill-vittmi. Dan il-filmat juri lil ħuha Joseph imur l-uffiċċju l-għada tal-qtil biex jara jekk hi marritx għax-xogħol. Filmat ieħor mid-dar fejn seħħ id-delitt wera lill-omm u l-bint fid-dar ftit qabel ma nqatlu. Bajada spjega li huma dehru l-aħħar fis-26 ta’ Marzu bejn it-8.54pm u d-9.10pm. Qal li ma kienx hemm filmati bejn id-9.23pm u l-10.04pm. Filmat ieħor mill-impjant tal-iskart tal-Wasteserv juri l-karozza tal-akkużat dieħla fis-sit għal madwar erba’ jew ħames minuti.

Qtil doppju: “Jiena nħobbha lil ommi, imma…” – l-akkużat lil zitu

L-għarusa ta’ Bonnici spiċċat bla saqaf fuq rasha

Saret ukoll referenza għal talba tal-għarusa tal-akkużat, li wara l-qtil, spiċċat barra minn darha li hi qasmet mas-sieħeb tagħha għall-aħħar 10 snin. Il-Qorti kienet infurmata li l-mara kienet ġiet offruta li toqgħod ma’ ħbieb tagħha, iżda kienet qed titlob l-awtorizzazzjoni tal-Qorti biex tieħu l-affarijiet tagħha mid-dar f’Ħal Għaxaq.

Il-Qorti aġġornat il-każ għal nhar l-Erbgħa li ġej biex jixhdu dawk li kellhom jixhdu llum.