Qtil doppju: Il-ġirien qatt ma basru li seta’ joqtol – rapporti

Il-qtil doppju tal-omm u l-bint f’Ħal Għaxaq, allegatament minn iben u ħu l-vittmi, ħalla lil bosta persuni bla kliem. Rapporti lokali qegħdin jgħidu li l-ġirien huma partikolarment maħsuda b’dan id-delitt, peress li l-allegat qattiel, skonthom, huwa persuna ta’ ftit kliem u ta’ qalb tajba.

Ġirien li tkellmu ma’ The Times of Malta qalu li l-familja dehret familja twajba, iżda wieħed qatt ma jista’ jassumi, minħabba li anke l-missier qatt ma ta fil-għajn. Paul Bonnici, il-missier tal-familja, qatel lil 2 ġirien tal-familja fl-2000, u issa qed jiskonta sentenza ta’ 31 sena ħabs, li ngħatatlu fl-2005. Skont TVM, kien il-missier stess li rrapporta l-għajbien taż-żewġ nisa, peress li nhar it-Tlieta ma marrux iżuruh kif jagħmlu s-soltu.

Qtil doppju: Familja mġarrba b’delitt imwettaq mill-missier

Iż-żewġ nisa, ta’ 70 u 29 sena, nstabu mejta f’għalqa f’Ħal Għaxaq fis-sigħat bikrin tas-Sibt, wara li l-Pulizija qattgħet sigħat twal tinterroga lill-qraba tal-familja. Waqt li kienu qegħdin jinterrogaw lil Joseph Bonnici, li għandu 39 sena, huwa ammetta għall-qtil doppju. Huwa jaħdem f’pompa tal-petrol viċin ir-residenza tal-familja f’Ħal Għaxaq.

Aġġornata – Qtil doppju: Qraba tal-vittmi jwasslu l-Pulizija għas-sejbien tal-katavri

Il-kamra tal-aħbarijiet TVM qiegħda tgħid li xi sorsi qalulha li waqt l-interrogazzjoni, is-suspettat qal li qatel lil ommu għax kienet hi li ħeġġet lil missieru biex iwettaq il-qtil taż-żewġ ġirien tagħhom 19-il sena ilu. Ir-rapport jgħid ukoll li Bonnici stqarr li oħtu kienet qed tallega li hu stupraha meta kienet iżgħar.

“Ma kienx ħaqqek hekk”; bosta xxukkjati bil-qtil ta’ Angele Bonnici u ommha

Ir-rapporti jgħidu wkoll li l-vittmi nqatlu b’arma tan-nar f’darhom, u mbagħad inġarrew sal-għalqa b’karru.

L-akkużat huwa mistenni jitressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo llum.