Qtil doppju f’Tas-Sliema: Muka jammetti għas-serq, mhux għall-qtil

Ritratt fl-isfond: Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Daniel Muka, wieħed mis-suspettati bil-qtil doppju li seħħ f’Tas-Sliema f’Awwissu, ammetta li seraq affarijiet mid-dar ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, imma insista li hu ma qatel lil ħadd.

Iż-żewġ irġiel inqatlu ġo darhom fi Triq Locker fit-18 t’Awwissu. Tliet irġiel qed jitressqu l-qorti akkużati b’dan il-qtil: Daniel Muka ta’ 25 sena u Viktor Dragomanski ta’ 26 sena diġà tressqu quddiem il-Qorti Maltija, mentri t-tielet wieħed, Jesper Kristianen, qed jistenna li jiġi estradit minn Spanja.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Muka, li huwa Albaniż. Xehed l-Ispettur Colin Sheldon, li qal li Muka wieġeb għall-mistoqsijiet tal-pulizija waqt l-interrogazzjoni. Qalilhom li ngħaqad ma’ żewġ irġiel oħra barranin biex jisraq lill-koppja, imma ma kienx jaf x’jisimhom dawn l-irġiel.

Fix-xhieda tas-Surġent Valerie Mifsud mill-għassa ta’ Tas-Sliema, hi rrakkuntat kif marret fuq il-post meta daħlet telefonata l-għassa, u sabet lil oħt Pandolfino titlob li jħalluha tidħol ġewwa. Kien hemm ukoll wieħed miz-zijiet tiegħu, li spjega li wara li sema’ xi sparaturi, sema’ wkoll xi krib ġej mid-dar.

Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Viktor Dragomanski
Qtil doppju Tas-Sliema: “Jekk tpoġġini fl-istess ċella miegħu noqtlu”