Qtil doppju f’Tas-Sliema: Mandat ta’ Arrest Ewropew għat-tielet persuna

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-Pulizija bdiet il-proċess sabiex jinħareġ Mandat t’Arrest Ewropew għat-tielet persuna ssupettata fl-allegat qtil doppju li seħħ f’Tas-Sliema fit-18 t’Awwissu li għadda.

Permezz tal-Mandat t’Arrest Ewropew il-persuna tkun tista’ tiġi ntraċċat u jinġieb Malta sabiex jibdew proċeduri legali relatati ma’ dan il-każ.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li dan il-proċess beda wara informazzjoni li t-tielet persuna allegatament involuta fil-każ ħarbet b’titjira minn Malta lejn pajjiż fiż-żona Schengen.  

Rapporti fil-midja qalu li r-raġel li huwa wkoll ta’ nazzjonalità barranija ħarab minn Malta llum fuq titjira lejn Barċellona fi Spanja.

B’rabta ma’ dan il-każ il-Pulizija ressqet żewġ persuni l-Qorti li t-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

It-Tlieta li għadda fil-Furjana ġie arrestat l-ewwel persuna li allegatament għandu konnessjoni mal-qtil doppju li ħalla żewġ vittmi; it-Tabib Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski. Fil-Qorti r-raġel wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.