Qtil doppju f’Tas-Sliema: Il-Pulizija tissuspetta li kien qtil intenzjonat – rapport

Ritratt fl-isfond: Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-Pulizija qiegħda tissuspetta li l-qtil li seħħ nhar it-Tlieta li għadda f’Tas-Sliema kien wieħed intenzjonat u ma kellux x’jaqsam ma’ serqa.

Dan ġie rrappurtat mill-istazzjon nazzjonali TVM, fejn ingħad li l-qtil jaf kien motivat minn vendetta, u ma kienx serqa li marret żmerċ.

Tard it-Tlieta filgħaxija nqatlu Christian Pandolfino, tabib ta’ 58 sena li kien sar investitur, u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, li xogħlu kien li jixtri u jbigħ l-arti kontemporanja għall-klijenti. Huma kienu ġor-residenza tagħhom fi Triq Locker. Iż-żewġ irġiel inqatlu b’tal-anqas sitt tiri.

Illum saret l-awtopsja.

F’konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ, il-Pulizija qalet li t-tliet suspettati daħlu fid-dar fl-10.19pm u telqu bejn 4 u 5 minuti wara. Huma ħarbu minn fuq il-post b’karozza bajda, u l-Pulizija għadha qed tipprova ssibhom. Ir-rapport tat-TVM jgħid li l-karozza Volkswagen użata ġiet irrappurtata misruqa sentejn ilu, u l-pjanċi tal-vettura nsterqu minn fuq karozza oħra pparkjata f’Paceville ftit qabel.

Oriġinarjament, il-każ kien maħsub li kien serqa li ma rnexxietx u nbidlet f’xena makabra, iżda t-TVM qed jindika li l-qtil jaf kien ġej minn xi tpattija. Ipoteżi ġdida hija li l-qtil kien ikkummissjonat. Ingħad ukoll li sar progress fl-investigazzjoni, u l-Pulizija identifikat ir-rabtiet soċjali u kummerċjali tal-koppja.

L-ewwel rapport it-Tlieta billejl
Jinqatlu żewġt irġiel f’Tas-Sliema

Oħt il-vittma kienet qed toqgħod fl-istess dar

Il-ġurnal The Malta Independent irrapporta li oħt Pandolfino u ż-żewġ uliedha li joqogħdu l-Ingilterra bħalissa jinsabu f’Malta u kienu qegħdin joqogħdu fl-istess dar, iżda nzertaw barra meta seħħ il-qtil.

L-istazzjon ONE rrapporta sid ta’ gym li qal li z-ziju tal-vittma, li joqgħod faċċata, ra lit-tliet suspettati ħerġin mid-dar.

Il-każ għadhu qed jiġi investigat.