Qtil doppju f’Tas-Sliema: Identifikati l-vittmi

Ritratt fl-isfond: Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Dr Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski huma ż-żewġt irġiel li tard ilbieraħ filgħaxija nstabu minxura mal-art f’għadira demm, f’sulari differenti fid-dar fejn kienu jgħixu f’Tas-Sliema.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.30pm fi Triq Locker, bil-Pulizija jissejħu minħabba li nstemgħu xi sparaturi fl-inħawi.  

It-Tlieta 18 ta’ Settembru filgħaxija:
Jinqatlu żewġt irġiel f’Tas-Sliema

Dr Pandolfino, li kien tabib f’Londra u aktar tard ħadem fis-settur bankarju, kien kollezzjonista tal-arti u shareholder fil-kumpanija Art Decor Properties and Interiors. Maciejowski, kien jixtri u jbigħ arti kontemporanja għall-klijenti. Huwa mifhum li Pandolfino u Maciejowski ilhom flimkien għal snin twal.

Skont rapporti, meta seħħet l-isparatura, il-koppja kienet għadha kif irritornat id-dar minn ikla mal-familja fi stabbiliment fil-qrib.

Dwar possibilità ta’ hold up, Il-kelliem għall-Pulizija Brandon Pisani qal lill-ġurnalisti li l-mottiv kien għadu mhux ċar u li f’dak l-istadju xejn ma kien qed jiġi eskluż. Sa tard it-Tlieta filgħaxija ħadd ma ġie arrestat b’rabta mal-każ. Il-kelliem appella lill-pubbliku biex min għandu informazzjoni dwar il-każ jgħaddiha lill-Pulizija li għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.

Intant, skont One News, filmati minn kameras tas-sigurtà qabdu tlett irġieli jiġru ‘l bara mid-dar b’basket kbir f’idejhom, rikbu f’karozza bajda u ħarbu minn fuq il-post.