Qtil Charlene Farrugia: Iwieġeb mhux ħati li qatilha u ħeba l-katavru

Aġġornat 08:53 PM

Read in English.

John Paul Charles Woods wieġeb mhux ħati li qatel lil Charlene Farrugia. Huwa kien dak li wassal lill-Pulizija biex issib il-fdalijiet tal-katavru tagħha s-sena li għaddiet, 11-il sena wara li għebet.

Illum, ir-raġel ta’ 40 sena tressaq il-qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, akkużat bil-qtil u li ħeba l-katavru tal-vittma. Kien mixli wkoll li żammha kontra r-rieda tagħha, weġġagħha, u li ġarr arma taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja.

Filwaqt li ċaħad li huwa ħati, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-kelliem għall-Pulizija dalgħodu tħabbar li ħarġu żviluppi ġodda fuq il-każ.

Farrugia kienet għebet fl-età ta’ 25 sena fis-7 ta’ Novembru tal-2008. Hi kienet tgħix il-Qawra u kienet dehret l-aħħar liebsa qmis sewda, jeans u papoċċ abjad. Il-Pulizija kienet ħarġet numru ta’ appelli għall-pubbliku dwarha sabiex jekk xi persuni kellhom xi informazzjoni dwar l-għajbien tagħha jwassluha lill-Pulizija. Minkejja dan hi qatt ma kienet instabet.

Ritratt: Sephora Francalanza

Fil-konferenza ġie spjegat li għall-bidu, il-każ ġie trattat bħala għajbien ta’ persuna, però huma u għaddejjin l-investigazzjonijiet, il-Pulizija bdiet tħares lejn il-każ bħala omiċidju. Tul dawn it-12-il sena, ġew interrogati għadd ta’ persuni b’rabta mal-każ, iżda kien fl-20 ta’ Lulju tal-2019 li seħħ l-akbar żvilupp fl-investigazzjoni, meta nstabu fdalijiet ta’ persuna fid-daħla tas-sur tal-Belt Valletta, waqt investigazzjoni ta’ reat ieħor kriminali.

Fi stqarrija dak iż-żmien, il-Pulizija kienet qalet li l-każ imur lura għall-2008 meta bdew l-investigazzjonijiet dwar l-għajbien ta’ tfajla Maltija. Il-Pulizija sabet dawn il-fdalijiet wara li John Paul Charles Woods, li ġie arrestat fuq każ separat ta’ hold-up fil-Gżira, qalilhom fejn kienu. Kien ingħad li allegatament kien hu stess li qatel lil Charlene Farrugia. Hu bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs b’rabta mal-hold-up. Intant, aktar tard il-Pulizija kkonfermat li ġie arrestat xi ħadd ieħor b’rabta mal-każ.

Dalgħodu l-Pulizija qalet li issa qed iqisu li dan id-delitt sar f’appartament f’San Pawl il-Baħar. Mistoqsijin il-persuna mressqa l-Qorti x’relazzjoni kellha mal-vittma, il-Pulizija ma setgħetx tikkummenta.

Minkejja dawn l-aħħar żviluppi, l-każ għadu mhuwiex magħluq, peress li jaf kien hemm nies oħra involuti.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza