Qtil Charlene Farrugia: “Mhux prudenti nagħtu informazzjoni” – Il-Pulizija

Il-Pulizija qalet li mhuwiex prudenti li tingħata informazzjoni fuq il-fdalijiet li nstabu li huma maħsubin li huma ta’ Charlene Farrugia, tfajla li għebet fl-2008.

Rapporti li ħarġu lbieraħ qalu li t-testijiet forensiċi kkonfermaw li l-fdalijiet li kienu nstabu fis-sur tal-Belt Valletta f’Lulju li għadda huma biċ-ċert ta’ Charlene Farrugia. Newsbook.com.mt staqsa lill-Pulizija dwar dan, dwar jekk il-fdalijiet humiex tagħha, x’metodu ntuża għall-verifika u x’inhuma l-proċeduri li jmiss sakemm l-akkużat jitressaq il-qorti fuq il-każ, iżda l-Pulizija żammet siekta.

Fir-risposta tagħha qalet li peress li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, “ma jkunx prudenti li tingħata aktar informazzjoni f’dan l-istadju.”

Il-fdalijiet ta’ Farrugia nstabu fl-20 ta’ Lulju wara l-arrest ta’ John Paul Woods, li nqabad waqt li kien qed iwettaq hold-up fil-Gżira. Jidher li kien hu stess li qal lill-Pulizija fejn kienu jinstabu l-fdalijiet tagħha wara li ġie arrestat. Hu bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs b’rabta mal-hold-up. Intant, aktar tard il-Pulizija kkonfermat li ġie arrestat xi ħadd ieħor b’rabta mal-każ.

Aqra: Jeħel 7 snin ħabs ir-raġel li wettaq hold-up fil-Gżira

Aqra: Qtil Charlene Farrugia: Ir-raġel arrestat qatt ma kien ġie interrogat – il-Pulizija

Il-Pulizija sabu fdalijiet ta’ katavru fl-akkwati tal-Belt Valletta. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-każ imur lura għall-2008 meta bdew l-investigazzjonijiet dwar l-għajbien ta’ tfajla Maltija minn San Pawl il-Baħar.

Aqra: “Il-familja għaddejja minn żmien diffiċli” – oħt Charlene Farrugia

Farrugia kellha 25 sena meta għebet fis-7 ta’ Novembru tal-2008. Hi kienet tgħix il-Qawra u kienet dehret l-aħħar liebsa qmis sewda, jeans u papoċċ abjad. Il-Pulizija kienet ħarġet numru ta’ appelli lill-pubbliku dwarha sabiex jekk xi persuni kellhom xi informazzjoni dwar l-għajbien tagħha jwassluha lill-Pulizija. Minkejja dan, hi qatt ma kienet instabet.