Qtil Charlene Farrugia: L-akkużat ried jagħmel stqarrija meta kien l-isptar

Read in English.

John Paul Woods, li jinsab akkużat li qatel lil Charlene Farrugia 12-il sena ilu u li ħeba ġisimha fis-sur tal-Belt, ried ikellem lill-Pulizija dwar il-każ f’Lulju li għadda, meta kien rikoverat l-isptar.

Fil-Qorti llum kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia.  

Fost l-oħrajn illum xehed il-pulizija li kien xogħol l-Isptar Mater Dei dakinhar li Woods talab li jkellem pulizija. Huwa qal li informa lill-Ispettur Jonathan Ransley dwar it-talba ta’ Woods.  

Xehdet ukoll il-konsulent psikjatriku Maria Bezzina Xuereb li qalet li wara li eżaminatu, hija tat il-permess lill-pulizija biex ikellmuh. Bezzina Xuereb qalet li minkejja li Woods kien inkwetat fuq il-familja tiegħu u kellu xi forma ta’ ansjetà, huwa kien f’pożizzjoni li jagħti stqarrija lill-pulizija.

Il-konsulent psikjatriku stqarret li hija ma staqsitx lil Woods dwar dak li ried jgħid lill-pulizija. Dan ħareġ fil-kontro-eżami li sar lil Bezzina Xuereb mill-avukat difensur Roberta Bonello Felice. Ix-xhud żiedet tgħid li l-akkużat kien jinsab fuq trattament psikjatriku.  

Fis-seduta tal-lum xehdet ukoll l-eks sieħba tiegħu, li qalet li wara ftit żmien li kienet ilha f’relazzjoni ma’ Woods indunat li kien qiegħed jieħu d-droga. Żiedet tgħid li Woods għamel perjodu fi programm ta’ riabilitazzjoni. L-eks sieħba qalet li hija telqitu wara li reġa’ beda jieħu d-droga u li huwa baqa’ jiġri warajha u jheddidha.  

Il-Prosekuzzjoni hija mmexxija mill-Ispetturi James Grach u Jonathan Ransley. F’isem l-akkużat qed tidher Dr Roberta Bonello Felice. L-avukat tal-familja tal-vittma huwa Dr Mario Mifsud.  

Il-każ se jkompli fit-22 ta’ Settembru fis-2.30pm.