Qtil Birkirkara: Ħelsien mill-arrest; “Toqob fil-ħwejjeġ jaqblu mad-daqqiet”

Iż-żewġ aħwa Libjani, akkużati bil-qtil ta’ Libjan ieħor xahrejn ilu, ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €50,000 kull wieħed.
Fil-Qorti nstema’ kif l-investigaturi sabu xi ħwejjeġ fiż-żibel fid-dar tagħhom, li kellhom toqob li jaqblu mad-daqqiet li l-vittma kellu fuq idejh.
Siraj Belhasem Shalgum ta’ 36 sena u Gusam Saleh Helhasem Shalgum ta’ 31 sena wieġbu mhux ħatja għal qtil ta’ Fouzi Farj Etwaish ta’ 40 sena.
Ir-raġel, li kien joqgħod magħhom, instab mejjet f’residenza f’Birkirkara f’Novembru li għadda.
Wara l-kumpilazzjoni tax-xhieda, l-esperti forensiċi qalu li r-raġel sofra minn ferita gravi fuq il-koxxa li laqtet arterja prinċipali kif ukoll xi feriti superfiċjali oħra.
Filmati miġbuda minn kamera tas-CCTV juru li mill-ħin li kien hemm il-ġlieda, sa x’ħin waslet l-ewwel għajnuna kienet għaddiet siegħa u nofs.