Qrib Malta l-vapur li investiga l-ħsara fl-interconnector

Read in English.

Il-vapur li tqabbad mill-Enemalta biex jinvestiga l-ħsara li saret fl-interconnector bejn Malta u Sqallija, illum deher qrib il-Magħtab, iż-żona fejn jibda l-interconnector min-naħa Maltija.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Enerġija qal li s-survey li sar mill-bastiment Polar King tlesta. Dan sar madwar 16-il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta ta’ Sqallija f’ibħra internazzjonali. Kelliem għall-Enemalta ma kienx f’pożizzjoni li jispjega lil Newsbook.com.mt għaliex il-bastiment kien qrib Malta llum waranofsinhar.

info@newsbook.com.mt

Intqal li inġiniera tal-Enemalta u ta’ Nexans issorveljaw il-proċess u analizzaw il-filmati li nġibdu f’qiegħ il-baħar u ġew trażmessi abbord il-vapur.

“Jista’ jkun hemm xi mumenti oħra ta’ qtugħ ta’ dawl”

“Fir-rigward tal-ħsara li ġarrab l-interconnector fit-23 ta’ Diċembru, l-Enemalta ħadet il-passi kollha meħtieġa sabiex jiġi identifikat min kien responsabbli għal din il-ħsara. F’dan il-punt, l-Enemalta, li hi koperta minn polza ta’ assigurazzjoni, ma tistax tiżvela informazzjoni aktar minn dak li ġie ppubblikat sa issa,” qal il-Ministeru.

Il-Ministeru reġa’ avża li jista’ jkun hemm “xi mumenti” f’lokalitajiet differenti fejn jaf jinqata’ d-dawl.Il-Gvern qal li l-Enemalta spjegat li l-interconnector għandu 753MW f’dik li hi generation capacity, u li meta tneħħiha, jibqa’ 553MW ta’ generation capacity.“Biex wieħed jifhem aħjar, id-domanda normali fix-xitwa, bħala peak, l-Enemalta qed tantiċipa li tkun bejn 460MW u 470MW, jiġifieri pajjiżna għandu biżżejjed generation capacity biex tiġi ssodisfata d-domanda,” qal il-Ministeru.

“Mhix il-verità” – Mark Anthony Sammut

L-eks President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut qal li l-Enemalta kienet għadha mhix qed tgħid il-verità dwar is-sitwazzjoni tal-enerġija.

Sammut qal li l-għajdut aktarx hu veru li wieħed mit-tliet turbini tal-powerstation tal-Electrogas għandu l-ħsara.

“Ilhom jaħdmu mill-2017” – Electrogas

Fi stqarrija Electrogas Malta qalet li t-turbini tagħhom ilhom jaħdmu b’mod li wieħed jista’ joqgħod fuqhom (“reliably”) minn meta ġew ikkummissjonati fl-2017. Il-kumpanija qalet li qed tipproduċi l-enerġija kollha li hija marbuta tipproduċi kontinwament.

L-Electrogas qalet li tħaddem tliet turbini tal-gass u waħda bil-fwar (steam). B’kollox akkumulaw aktar minn 20,000 siegħa ta’ operat u pprovdew aktar minn 3.6 miljun MWh ta’ elettriku.