“Qrib ħafna li jintlaħaq ftehim dwar Manoel Island” – Il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa imminenti li jintlaħaq ftehim dwar l-iżvilupp kontroversjali f’Manoel Island.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi (MDA) ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru qal li fiż-żmien li ġej se tkun finalizzata l-idea għat-tip ta’ żvilupp. Insista li se jkun qed jinstab bilanċ bejn l-iżviluppatur u r-residenti tal-Gżira. Fisser li fadal biss l-iffirmar tal-ftehim bejn il-konsorzju MIDI u l-Kunsill Lokali tal-Gżira.
Joseph Muscat qal ukoll li s-suq tal-kostruzzjoni qed iwieġeb tajjeb għad-domanda, iżda li xi darba jasal iż-żmien meta l-pass jibda jbatti.
Irrimarka li l-Gvern se jindirizza bis-serjetà s-suq tal-kera, u semma l-White Paper li se joħroġ il-Gvern biex jiġu indirizzati l-interessi tas-sidien tal-proprjetà u ta’ dawk li jikru.
“Il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu biex ineħħu l-inċertezzi” – Delia
Fl-indirizz tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia insista li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jitneħħew l-inċertezzi u jinħolqu l-opportunitajiet.
Żied jgħid li l-Oppożizzjoni se titkellem ma’ dawk kollha involuti fil-qasam.  
Dr Adrian Delia sostna li l-impenn tal-PN hu li jinvolvi lill-istakeholders kollha, biex tiġi adottata attitudni ta’ ppjanar fit-tul u mhux biss mil-lum għal għada.
Irrimarka li fid-deċiżjonijiet li jittieħdu, għandha tingħata importanza li dak li jsir illum, ikun verament ta’ wirt għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Jindika li se jċedi t-tmun tal-MDA
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li l-iżviluppaturi mhux ilaħħqu max-xogħol u li l-industrija qed tkompli tkattar il-ġid. Faħħar l-inizjattivi tal-Gvern bħal l-IIP, l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment.
Chetcuti esprima x-xewqa li fiż-żmien li ġej, l-Assoċjazzjoni tibda titmexxa minn xi ħaddieħor.