Qraba tal-vittmi li nqatlu fi knisja jaħfru lill-allegat qattiel

Il-Pulizija Amerikana qed tqis bħala “att kriminali ta’ mibgħeda” l-qtil ta’ disa’ persuni fi knisja f’Charleston nhar l-Erbgħa li għadda.
Raġel ta’ 21 sena, Dylann Roof deher fil-Qorti biex jiffaċċja l-akkużi li qatel disa’ persuni.
Filwaqt li ma wera l-ebda sinjal ta’ emozzjoni hekk kif il-qraba tal-vittmi bdew ikellmuh permezz ta’ kollegament bil-video, mara qaltlu li “taħfirlu ta’ dak li għamel”.
Mara oħra li tiġi bint waħda mill-vittmi, qalet lill-allegat qattiel ta’ ommha li huwa ħadilha xi ħaġa prezzjuża ħafna għaliha, għax issa mhux se tkun tista’ aktar tkellem lil ommha.
Madankollu qaltlu wkoll li qed taħfirlu.
Intant il-President tal-Istati Uniti Barack Obama qal li l-motiv wara dan id-delitt, ifakkar lil kulħadd fil-ġlieda kontra r-razziżmu.
Qal li meta dan jitfa’ l-velenu fl-imħuħ taż-żgħażagħ, allura dan ikun qed ikisser l-ideal tad-demokrazija.
Obama temm jgħid li mhux biżżejjed li kulħadd jesprimi s-solidarjetà tiegħu għal dak li ġara, iżda trid tittieħed azzjoni.
Kien hawnhekk li sejjaħ għal dibatittu ġdid dwar il-kontroll tal-armamenti fl-Istati Uniti.