Qraba tal-priġunieri inkwetati “għax il-gwardjani ħerġin u deħlin”

Read in English.

Qraba tal-priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jinsabu inkwetati hekk kif minkejja li huma mhux qed jitħallew jżuru lir-residenti, il-gwardjani għadhom qed jitħallew imorru lura d-dar u joħorġu wara x-xogħol. Intant, kelliema għall-Ministeru għall-Intern spjegat li parti mill-faċilità nbidlet f’dormitorju għall-gwardjani, madanakollu din għadha ma bdietx tintuża.

“Hemm residenti li huma inkwetati ħafna minħabba l-COVID-19”

Il-qraba tar-residenti ta’ Kordin spjegaw li hemm residenti li huma inkwetati ħafna minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-qraba spjegaw li dawn ir-residenti m’għandhomx il-protezzjoni meħtieġa u li jekk jasal li l-virus jidħol fil-ħabs, mela jaf ikun hemm konsegwenzi rriparabbli.

Huma spjegaw li filwaqt li fehmu għaliex mhux qed jitħallew iżuru lill-qraba tagħhom fir-residenza u joħdulhom l-ikel, jinsabu inkwetati hekk kif il-gwardjani qed jitħallew jidħlu u joħorġu fil-ħabs. Huma allegaw li kien hemm każi fejn il-gwardjani rritornaw mis-safar u m’għamlux il-perjodu ta’ kwarantina.

Huma rrimarkaw kif il-carers fid-djar tal-anzjani qed jitħallew jorqdu fid-djar stess. Sostnew li din il-miżura għandha tiġi estiża għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

“Tlesta dormitorju għall-gwardjani; mhux qed jintuża għalissa”

Newsbook.com.mt tkellem mal-Ministeru għall-Intern dwar x’qed isir bħalissa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex is-saħħa tar-residenti tiġi ssalvagwardjata. Il-kelliema għall-Ministeru spjegat li filwaqt li tlesta dormitorju għall-gwardjani, dan għadu mhux qed jintuża għalissa. Qalet li dan jibda jintuża f’każ ta’ bżonn, dejjem skont kif tiżviluppa s-sitwazzjoni tal-COVID-19.

Il-kelliema spjegat li bħalissa, f’Kordin hemm fis-seħħ pjan ta’ kontinġenza li tfassal malli l-virus feġġ fil-pajjiż. Spjegat li fl-aħħar jiem ittieħdu diversi miżuri ta’ prekawzjoni fosthom: “il-waqfa ta’ viżitaturi fil-ħabs, bdiet tittieħed it-temperatura tal-uffiċjali mad-dħul tagħhom fil-ħabs kif ukoll tal-priġunieri kuljum filwaqt li ġew installati numru kbir ta’ santizers madwar il-faċilità.” Il-kelliema spjegat li qed isir ukoll ħasil u ffumigar tal-ħabs kuljum. Intant spjegat li t-tmexxija tal-faċilità qed tevita wkoll movimenti mhux meħtieġa jew urġenti lejn u mill-faċilità. Qalet li l-pjan ta’ kontinġenza jinkludi wkoll mizuri oħra li se jiġu implimentati skond il-ħtieġa.

Il-kelliema kompliet billi spjegat li partijiet differenti tal-faċilità inbidel l-użu tagħhom biex fost oħrajn tlesta dormitorju għall-gwardjani, kif ukoll klinika zgħira biex il-faċilità tkun ippreparata għal kull eventwalità. Qalet li l-ħabs huwa mħejji anke f’dak li hu riżors uman u qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha fl-interess tal-ħaddiema u tal-priġunieri. “Dan qed isir bħala prekawzjoni bil-għan li fil-ħabs ukoll jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa kontra t-tixrid tal-Covid-19,” temmet tgħid il-kelliema għall-Ministeru.

Bħalissa f’Malta hawn total ta’ 73 każ hekk kif is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, dalgħodu ħabbret disa’ każi ġodda tal-coronavirus fil-pajjiż. Uħud minnhom huma eżempji ċari ta’ trażmissjoni lokali, oħrajn huma impurtati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn