Qraba ta’ Raymond Caruana urtati għax tpoġġa ma’ ta’ Mintoff fuq il-mafkar ta’ Daphne

Stefan Caruana, in-neputi tal-attivist Nazzjonalista Raymond Caruana li nqatel fit-tmeninijiet, esprima rabja fuq Facebook wara li persuni mhux identifikati poġġew ritratt tal-qarib tiegħu ma' dak “ta’ min għalaq għajnejh għal żmien twil għall-elementi politiċi vjolenti li wasslu għal qtil ta’ dan iż-żagħżugħ”.

Il-mafkar ta' Daphne Caruana Galizia, mal-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta, dalgħodu sebaħ b’iktar ritratti: tal-Eks Prim Ministru Dom Mintoff, Karin Grech li nqatlet b’ittra bomba indirizzata lil missierha fl-1977 fiż-żmien tal-istrajk tat-tobba, u tal-attivist Nazzjonalista Raymond Caruana li nqatel fil-każin tal-partit fil-Gudja fl-1986.
Huwa qal li f’daqqa waħda fil-pajjiż kulħadd messitu l-kuxjenza u staqsa kif issa ftakru f’Raymond Caruana u “bla mistħija ta’ xejn”, poġġew ritratt “ta’ min għalaq għajnejh għal żmien twil għall-elementi politiċi vjolenti li wasslu għal qtil ta’ dan iż-żagħżugħ”.
Stefan Caruana appella biex dawn in-nies li poġġew ir-ritratti ma jkunux kodardi fl-istess waqt li enfasizza biex ssir ġustizzja għal Karen, Raymond u Daphne. 
Aktar nies esprimew irwieħhom dwar dawn ir-ritratti, b’persuna minnhom tistaqsi għaliex Mintoff sab ruħu hemmhekk meta skont hi, kien il-persuna li ħoloq mibegħda, vjolenza u kien attiv fl-antiklerikaliżmu. Qabblet ir-ritratt ta’ Mintoff mal-monument bħallikieku swastika kellha titpoġġa fl-olokawst.
Min-naħa l-oħra persuna oħra qalet li dan il-monument sar qabar u talbet biex il-fjuri u x-xemgħat ipoġġuhom fuq il-qabar u mhux fuq monument pubbliku. Kien hemm min qal li waqt il-vġili għal Daphne llejla, ir-ritratt ta' Mintoff tgħattha b'qasrija.