Aġġornata: Qraba ta’ politiċi Ċiniżi b’kumpaniji minn Mossack Fonseca

Mid-dokumenti żvelati mill-kumpanija fil-Panama, Mossack Fonseca, joħroġ li l-qraba stretti ta’ tmien membri għolja tal-Partit Komunista taċ-Ċina użaw is-servizzi ta’ Mossack Fonseca biex jiftħu kumpaniji fil-British Virgin Islands.
Rapporti jgħidu li fl-istess ħin mhemm xejn li juri li kienu l-istess politiċi li ggwadanjaw finanzjarjament minn dawn il-kumpaniji.


Iċ-Ċina u l-Hong Kong huma l-ikbar klijenti ta’ Mossack Fonseca bil-ħolqien ta’ 40,000 kumpanija matul is-snin.
Iċ-Ċina żżid iċ-ċensura fuq l-internet

Iċ-Ċina żiedet iċ-ċensura fuq dak li jiġi ppubblikat fuq l-internet u ordnat it-tneħħija ta’ kull materjal marbut mal-Panama Papers inkluż rapporti ta’ ġurnali u kummenti.
Fost l-uffiċjali li tagħhom jissemmew il-qraba hemm dawk tal-President Ċiniż Xi Jinping.
Il-Panama trid taħtar esperti għal iktar trasparenza
Fl-aħħar żviluppi, il-Gvern tal-Panama ddikjara li jrid iwaqqaf bord ta’ esperti internazzjonali biex iżid it-trasparenza b’rabta mas-servizzi finanzjarji offruti mill-pajjiż.
Id-dikjarazzjoni ġiet fl-aħħar sigħat wara l-ħruġ ta’ miljuni ta’ dokumenti li juru li permezz ta’ servizzi mill-Panama xi klijenti evitaw li jħallsu t-taxxi f’pajjiżhom u anke sanzjonijiet internazzjonali.
Il-President tal-Panama qal li pajjiżu se jaħdem ma’ pajjiżi oħra wara r-rivelazzjonijiet ta’ Panama Papers.
Putin jattakka lill-Punent, speċjalment lill-Istati Uniti
Il-President Russu Vladimir Putin qal li minkejja li ismu ma jissemmiex b’mod dirett fil-Panama Papers, iddeskriva l-ħruġ tad-dokumenti bħala parti minn sforz mill-pajjiżi tal-Punent, speċjalment l-Istati Uniti, biex idgħajfu lir-Russja. Putin irrifjuta l-allegazzjoni ta’ rabtiet ma’ kontijiet offshore.