Qraba ta’ immigranti mejta jfittxu li ssir ġustizzja – L’Avvenire

Read in English.

It-traġedja tal-għada tal-Għid il-Kbir qed tieħu żvolta ġdida hekk kif il-qraba tal-immigranti li tilfu ħajjithom bejn sema u ilma bejn Malta u l-Libja, se jaraw li ssir ġustizzja. Dan ġie rrappurtat mill-ġurnalist investigattiv Nello Scavo fuq is-sit kattoliku L’AVVENIRE, u kkonfermat indipendentament minn Newsbook.com.mt.

Scavo rrapporta li l-qraba tal-vittmi diġà kkuntattjaw lill-avukati. L-akkużi huma:

  • li l-immigranti ġew abbandunati f’nofs ta’ baħar għal ħamest ijiem
  • li ttieħdu lura f’pajjiż fejn hemm il-gwerra
  • li l-evakwazzjoni medika meħtieġa ma ssejħitx mid-dgħajsa li salvathom u li s-sid tagħha hu Malti.

L’AVVENIRE rrappurtat ukoll li ma rċeviet l-ebda tweġibiet għall-mistoqsijiet li bagħtet lill-Gvern Malti. Scavo stqarr li hu bagħat mistoqsijiet ġimagħtejn ilu, u nhar it-Tnejn, sors fil-korpi diplomatiċi qallu li se jkun hemm ittra li se “tikkjarifika 100%” dak li ġara f’din it-traġedja. Żied jgħid li sfortunatament minn dan ma sar xejn.

Scavo qal li kien hemm diskrepanza fil-kummenti li ta l-Prim Ministru Malti Robert Abela lbieraħ wara x-xhieda tiegħu fil-Qorti. Scavo stqarr li dawn iż-żewġ frażijiet kienu attribwiti lill-Prim Ministru: “Id-dgħajsa b’bandiera Libjana għandha tidħol fil-portijiet Libjani” u “[Neville] Gafà kien involut minħabba l-kuntatti Libjani”. Scavo qal li ċ-ċrieki legali kienu perplessi dwar għaliex dgħajsa b’bandiera Libjana għandha jkollha bżonn għajnuna minn negozjatur biex tmur lura fil-port tagħha.