Qorti tordna li l-Kardinal Pell jgħaddi ġuri għax “hemm biżżejjed evidenza”

It-teżorier tal-Vatikan, il-Kardinal Awstraljan George Pell, ġie ordnat mill-Qorti Awstraljana sabiex jgħaddi ġuri dwar abbużi sesswali li allegatament seħħew minnu fil-passat, wara li nstabet evidenza biżżejjed biex il-ġuri jsir.
Il-Kardinal Pell ilu minn Ġunju li għadda fuq “liv” mill-Vatikan fejn jokkupa l-kariga ta’ Prefett tas-Segreterija Ekonomika, biex ikun jista’ jiddefendi lilu nnifsu.
Hu sa mill-bidunett ċaħad l-akkużi kontrih. Pell kien Arċisqof ta’ Melbourne bejn l-1996 u l-2001 u wara Arċisqof ta’ Sydney, sakemm fl-2014 il-Papa Franġisku ħatru fil-kariga attwali tiegħu.  Hu kien sar Kardinal fl-2003.
Id-deċiżjoni tal-Qorti li jgħaddi ġuri ttieħdet illum, ħin Awstraljan, u għalkemm intqal li l-evidenza li nstabet hi biżżejjed biex jgħaddi ġuri fuq xi akkużi, għal oħrajn ma kinitx suffiċjenti.
F’Ġunju li għadda l-Pulizija tal-Istat ta’ Victoria akkużaw lill-aktar kjeriku Kattoliku importanti fl-Awstralja b’abbużi sesswali li jmorru lura fiż-żmien.
Fi smigħ preliminarju l-Qorti, magħluq għall-pubbliku, madwar 30 persuna kienu xehdu dwar dawn l-allegati abbużi.
Fost l-oħrajn, abbuż sesswali minnhom allegatament seħħ f’Katidral f’Melbourne fid-Disghinijiet, u oħrajn f’ċinema u swimming pool fis-Sebgħinijiet.
Min-naħa tiegħu l-Kardinal Pell dejjem ċaħad dawn l-akkużi, anzi insista li n-natura tagħhom iddiżgustatu.
L-avukati tiegħu kienu qalu f’Marzu li l-kardinal diġà hu vittma tal-preżunzjoni tal-ħtija, jiġifieri li diġà huwa ħati għan-nies, minflok innoċenti sakemm jinstab, jekk jinstab, bħala ħati.
Il-Qorti issa mistennija terġa’ tiltaqa’ għada għal smigħ amministrattiv, iżda aktarx il-ġuri fadallu xhur oħra.