Read in English.
Qorti tal-Appell Amerikana ddeċidiet li l-eżekuzzjoni tal-unika mara fid-death row federali tal-Istati Uniti tista’ tipproċedi, hekk kif il-President-elett Joe Biden wiegħed li se jfittex li jintemm l-użu tal-piena kapitali mill-gvern federali Amerikan.
Bħalissa, 28 mill-50 stat Amerikan għanhdom il-piena kapitali, kif ukoll l-istat federali Amerikan. Il-gvern Amerikan kien għamel 17-il sena mingħajr eżekuzzjoni qabel il-President Donald Trump ordna li l-eżekuzzjonijiet jerġgħu jitkomplew.
L-aħħar mara li ngħatat il-piena kapitali mill-gvern Amerikan kienet Bonnie Heady kważi 70 sena ilu, fl-1953. Heady kienet biss it-tielet mara li ngħatat il-piena kapitali mill-gvern federali Amerikan.
Iżda jidher li Lisa Montgomery tista’ tingħata l-piena kapitali dan ix-xahar stess. Montgomery kienet ikkundannata għal-mewt fuq il-qtil ta’ Bobbie Joe Stinnett, mara li kellha 8 xhur tqala. Montgomery irkuprat it-tarbija, ħajja, mill-ġuf tal-vittma tagħha: it-tarbija ngħatat lil missierha meta ġiet arrestata l-jum ta’ wara.
Montgomery ma ġietx akkużata bi qtil – akkuża li tinstema’ mill-qrati tal-istat – iżda bl-akkuża ta’ ħtif li rriżulta fi qtil, li tinstema’ fi qrati federali.
L-eżekuzzjoni tagħha mistennija sseħħ fit-12 ta’ Jannar.