Qorti tal-Appell fi Franza teħles Kardinal minn akkużi li ħeba abbużi fuq tfal

Il-Kardinal Philippe Barbarin, jidher jasal fil-Qorti ta’ Lyon fejn instema l-appell tiegħu. Center. (Credit: Laurent Cipriani/AP.)

Qorti tal-Appelli fi Franza nhar il-Ħamis li għadda illiberat lill-Kardinal Franċiż, Philippe Barbarin, minn akkuża li ħeba u ma rrappurtax abbużi fuq it-tfal imwettqa minn saċerdot, meta kien jaf bihom.

Il-Kardinal Barbarin li hu l-Arċisqof ta’ Lyon, f’Marzu li għadda kien instab ħati u ngħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi wara li nstab ħati li naqas li jirrapporta lill-pulizija, qassis li kien abbuża mit-tfal.

Iżda il-Papa Franġisku ma kienx aċċetta ir-riżenja tiegħu minn Kardinal qabel ikun hemm is-sentenza tal-appell.

Deċiżjoni loġika

Felix Luciani, wieħed mid-difensuri tal-Kardinal qal li “id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell kienet waħda loġika. Il-Kardinal kien vittma ta’ kalunja u disprezz tal-pubbliku”.

Fil-petizzjoni tal-appell li ressaq f’Novembru li għadda, l-Kardinal Barbarin li għandu 69 sena qal li kien qed jappella “għax ma nafx ta xiex instabt ħati”.  Is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ġiet fi żmien meta madwar id-dinja kollha, il-Knisja Kattolika qegħda ferm attentat li każi ta’ abbużi mill-kleru ma jinħbewx.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li il-Kardinal “ried jevita l-iskandlu tal-abbużi mwettqa minn qassis, biex ma jkunux magħrufa u mperrċa l-ismijiet tal-vittmi u jevitalhom ħafna tbatija u uġiegħ”.

Bernard Preyant, ex saċerdot li llum tneżża’ mis-saċerdozju, ammetta fil-Qorti fejn għaddej ġuri Bħalissa li kien jabbuża sistematikament minn tfal għal 20 sena, waqt li kien Kappillan ta’ li Scouts. Qal li s-superjuri tiegħu kienu jafu bl-imġieba mhux normali tiegħu sa mis-snin 70.

75 tifel abbużati

Preynat, li llum għandu 74 sena qal li kieku l-Knisja warrbitu qabel kien jieqaf qabel minn dawn l-abbużi. Issa hu qed jiffaċċja sentenza ta’ 10 snin ħabs f’dak li hu meqjus l-akbar skandlu ta’ abbużi sesswali sal-lum.  Hu akkużat li abbuża minn 75 tifel, għalkemm jista’ jkun li dan in-numru kien akbar.  Is-sentenza tiegħu mistennija għal Marzu.

 Il-każ kontra l-Kardinal Barbarin ibbażat fuq diskussjoni li hu kellu fl-2014 ma’ wieħed mill-vittmi li kien qallu dwar l-abbuż sesswali li kien sofra minn Prayant fis-snin 80 waqt kamp tal-iscouts.

Il-Kardinal qal lill-Qorti tal-Appell li hu mexa mal-istruzzjonijiet tal-Vatikan wara li tkellem mal-vittma u ma’ seta’ jagħmel xejn aktar.