Qorti Suprema fl-Indja se tisma’ appell favur l-insara Dalits

Grupp insara u l-Knisja fl-indja jitolbu għall-ugwaljanza tad-drittijiet

Il-Qorti Suprema Indjana se tisma’ appell f’kawża fejn qed jintalab li fil-Liġi tal-pajjiż li hi meqjusa bħala diskriminatorja fuq bażi ta’ reliġjon, jkun hemm trattament u opportunitajiet ugwali għall-insara Dalits – li jkunu kkonvertew mill-Islam jew Hindu.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li l-appell hu biex jaqa’ paragrafu mill-Ordni Kostituzzjonali tal-1950 li jeskludi lid-Dalits milli jibbenefikaw minn miżuri dwar żvilupp edukattiv, ekonomiku, soċjali u kulturali, sempliċement fuq bażi ta’ reliġjon.

L-Appell tressaq mill-Kunsill Nazzjonali tal-Insara Dalit bl-appoġġ ta’ 14-il gruppi nsara u l-Konferenza Episkopali Indjana. Fih qed jintalab li l-Insara Dalit jkollhom aċċess għal  impjiegi fil-Gvern u l-edukazzjoni, li huma riservati għal persuni ta’ reliġjonijiet oħra.  Il-Qorti tal-Appell aċċettat li tisma’ dan il-każ.

Drittijiet ugwali

Id-Dalits huma membri ta’ grupp soċjali ġej mis-sistema tal-Hindu. Il-Kostitutzzjoni tal-1950 tagħtihom drittijiet limitati fil-qasam tax-xogħol u l-edukazzjoni biex jiksbu livell ta’ għixien aħjar. Sal-lum dawn id-drittijiet ngħataw lill-Hindu, Sikhs, u Buddisti u huma mċaħħda mill-Insara u l-Musulmani.

L-appell isostni li t-tielet paragragu tal-Ordni Kotituzzjonali tal-1950 jikser id-dritt fundamentali tal-ugwaljanza, liberta’ reliġjuża u joħloq diskriminazzjoni.

Il-petizzjoni tal-appell iżżid tgħid li hu meħtieġ li dawn id-drittijiet jingħataw ukoll lill-insara billi dawn ikunu offruti boroż ta’ studju, opportunitajiet ta’ xogħol, għajnuna soċjali u l-possibiltà u ċ-ċans li jkunu eletti fil-Kunsilli Lokali, f’Assemblea Leġislattiva u anke sa membri Parlamentari, kif għandhom dritt membri ta’ reliġjonijiet oħra.

“Ilna għexieren ta’ snin nippromwovu l-ugwaljanza fid-drittijiet għall-insara f’diversi livelli u issa nittamaw li din il-battalja jkollha riżultati pożittivimill-Qorti tal-Appell”, qal attivist għad-drittijiet tal-Insara Dalits.

Fl-Indja hemm madwar 20 miljun Dalit nisrani li jirrappreżentaw 75 fil-mija tal-popolazzjoni nisranija fil-pajjiż. Fl-Indja kollha madwar 16.6 fil-mija tal-popolazzjoni hi magħmula minn Dalits ta’ diversi reliġjonijiet.