Qorti Ingliża tipprojbixxi talb barra minn klinika tal-abort

Talb barra l-klinika tal-abort f'Ealing

Attivisti favur il-ħajja esprimew id-diżappunt tagħhom wara li Qorti Superjuri ddeċidiet favur deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Ealing, li jipprojbixxi li jsir talb barra minn klinika tal-abort f’din il-belt.

Il-Qorti laqgħet dik li hi magħrufa bħala Ordni ta’ Protezzjoni għal Spazji Pubbliċi, maħruġa mill-Kunsill Lokali ta’ Ealing li tikkriminalizza t-talb, it-tqassim ta’ fuljetti jew kull att ieħor li jesprimi opinjoni dwar l-abort li jsir barra l-Klinika Marie Stopes li hemm fil-lokalità.

Alina Dulgheriu, omm li kienet megħjuna waqt sessjoni ta’ talb favur il-ħajja barra mill-imsemmija klinika li wasslitha biex ma twettaqx abort, li fetħet kawża kontra din id-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali, qalet li qed tikkunsidra li tappella mid-deċiżjoni.

“Ninsab imdejqa u xxukkjata bid-deċiżjoni tal-Qorti li kkonfermat li nies ta’ qalb tajba li jgħinu ommijiet li għandhom bżonn din l-għajnuna, ma jitħallewx jagħmlu dan. Jien sorpriża kif xehda li l-Imħallef qal li mhix ta’ livell kriminali qed tintuża biex tikkriminalizza sezzjoni sħiħa tas-soċjetà li għandha fehma li forsi mhix “moda.””

Alina qalet li b’din id-deċiżjoni l-Qorti effettivament warrbet id-drittijiet umani bħalma huma l-libertà tal-espressjoni u tat lill-awtoritajiet lokali d-dritt li jikkriminalizzaw dan id-dritt fundamentali.

Elizabeth Howard, kelliema għall-kampanja “Kun hawn Għalija” qalet li d-deċiżjoni hi daqqa mortali għal-libertà tal-kelma u għad-drittijiet umani f’dan il-pajjiż.  Iżda żgur li din id-deċiżjoni mhux se twaqqaf il-ħidma favur il-ħajja fil-pajjiż.