Qorti Ewropea tordna kumpens ta’ €14,000 fuq post mikri bi prezz baxx

Read in English.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat lill-Gvern Malti biex jagħti kumpens ta’ €14,000 lil sid ta’ post mikri lil terzi persuni, wara li sabet li l-Qorti Kostituzzjonali ta’ Malta ma refgħetx ir-responsabbiltà tagħha mogħtija lilha mill-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dan għaliex sabet li ma rrimedjatx is-sitwazzjoni kif suppost.

Victor Portanier, ta’ 88 sena, rebaħ il-każ tiegħu fil-Qorti Ewropea dwar post li għandu f’Depiro Street, f’Tas-Sliema. Fl-1974 daħal f’kuntratt semi-emfitewsi għal 17-il sena ma’ koppja dwar dan l-appartament, ta’ Lm140 (€326) fis-sena. Fl-1991, il-kuntratt ġie estiż għal 17-il sena oħra, did-darba għal Lm313 (€729) fis-sena. Fl-2008, hekk kif skada l-kuntratt, il-koppja saħqet li skont il-liġi, għandhom id-dritt jibdlu l-kuntratt f’kera bi ħlas ta’ €1,186 fis-sena.

Portanier u martu fetħu kawża fil-Qorti ta’ Malta fejn qalu li din il-liġi, li qed timponi fuqhom kirja ta’ ħin indeterminat bi prezz baxx, qed tmur kontra d-drittijiet tagħhom.

L-ewwel kawża ġiet miċħuda, iżda fl-appell, il-Qorti Kostituzzjonali ta’ Malta ddeċidiet li l-valur tal-appartament huwa ta’ €5,600 fis-sena, u għalhekk il-kera għandha tkun bejn €3,000 u  €4,000 fis-sena.

Il-Qorti ordnat li Portanier jingħata kumpens ta’ €2,500, iżda ordnatu biex iħallas  €1,291.15 tal-proċeduri legali. Il-Qorti ma keċċietx il-kerrejja imma qalet li ma setgħux jużaw sezzjoni 12 tal-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar biex isostnu d-dritt tagħhom għall-propjetà.

Portanier imbagħad fetaħ kawża biex jitkeċċew mill-propjetà, u fl-2017 il-propjetà reġgħet saret tiegħu. Wara, saħaq li xorta nkiser id-dritt fundamentali tiegħu li jikkonsidra propjetà tiegħu bħala tiegħu, speċjalment ħabba li l-kumpens li ngħata kien ftit.

Il-Gvern ta’ Malta kkuntesta billi qal li l-vittma ngħata r-raġun u l-kumpens tiegħu. Però, il-Qorti Ewropea sostniet li €2,500, li minnhom kellhom jitħallsu €1,291 għall-proċeduri legali, huma ftit meta kkunsidraw li l-kerrejja għamlu 8 snin jgħixu b’kirja baxxa wisq.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tathom raġun fejn fis-sentenza tagħha konkludiet li l-koppja Portanier sofrew minn vjolazzjoni ta’ Artiklu 1 u 13 tal-Protokoll Numru 1. B’hekk ordnat lill-Gvern Malti biex jagħti kumpens ta’ €14,000.