Qorti Ewropea tiċħad il-kawża ta’ John Dalli għall-kumpens

Read in English.

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea qalet li ċaħdet il-kawża li fetaħ l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli biex jingħata kumpens għad-danni li allegatament sofra minħabba t-terminazzjoni tal-kariga tiegħu.

Fi stqarrija, il-Qorti qalet li Dalli ma weriex l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-OLAF jew il-Kummissjoni Ewropea. Qalet ukoll li Dalli ma rnexxilux juri l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-aġir li ilmenta dwaru u l-allegat danni li sofra. Il-Qorti qalet li Dalli lanqas biss wera li kien verament sofra xi danni.

Fl-2012, Dalli li kien kummissarju Ewropew għas-saħħa rreżenja wara li inkjesta ta’ kontra l-frodi sabet li kien marbut ma’ attentat biex tiġi influwenzata leġiżlazzjoni dwar it-tabakk. L-uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi, OLAF, sab li negozjant Malti pprova juża l-kuntatti tiegħu ma’ Dalli għal skopijiet finanzjarji.

Fit-12 ta’ Mejju 2015, il-Qorti Ġenerali Ewropea kienet ċaħdet it-talba li saret minn Dalli biex tiġi annullata d-deċiżjoni li ttieħdet fis-16 ta’ Ottubru 2012. Dakinhar il-President tal-Kummissjoni Ewropea temm il-funzjonijiet ta’ Dalli li kien qed isservi bħala Kummissarju Ewropew b’mod immedjat. Fl-istess sentenza il-Qorti ċaħdet lil Dalli milli jikseb kumpens għad-danni li huwa allegatament sofra għall-ammont ta’ €1,913,396. Dalli kien appella din is-sentenza iżda l-appell ġie miċħud fl-2016.

Dalli mbagħad ressaq kawża oħra għall-kumpens għad-danni minħabba t-terminazzjoni tiegħu.

Il-Qorti ċaħdet is-seba’ lmenti li ressaq Dalli minħabba l-aġir tal-OLAF. Fost affarijiet oħra, Dalli lmenta dwar l-illegalità tad-deċiżjoni biex tinfetaħ investigazzjoni u l-estenzjoni tagħha.

Il-Qorti ċaħdet ukoll żewġ ilmenti li ressaq Dalli minħabba l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni. Qalet li Dalli ma weriex l-eżistenza ta’ dan l-aġir.

Tista’ taqra l-istqarrija minn hawn: