Il-Gvern Amerikan irid iwaqqa’ l-każ kontra Ali Sadr; talba biex jiġi estradit Malta

Aġġornat 11:12 AM

Read in English.

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qiegħda tagħmel talba sabiex Ali Sadr Hashemi Nejad jiġi estradit lejn Malta wara li fl-Istati Uniti jaf jitwaqqgħu l-akkużi kontrih.

Stqarrija maħruġa tard ilbieraħ filgħaxija mill-Fondazzjoni tgħid li l-fatt li sid il-Bank Pilatus kien arrestat fl-Istati Uniti u mressaq il-qorti jfisser li huwa kien akkużat fuq bażi ta’ evidenza ta’ ħasil tal-flus. Il-każ kontrih qed jitwaqqa’ fuq kwistjoni allegatament teknika.

Il-Fondazzjoni qalet li dan ma jibdilx l-evidenza li hemm kontra Hashemi Nejad. Il-proċeduri fl-Istati Uniti, qalet il-Fondazzjoni, m’għandhomx jeżentawh jew jipprevjenu lill-Korp tal-Pulizija Malti jew lill-Avukat Ġenerali milli jieħdu passi kontrih.

F’Marzu, Ali Sadr Hashemi Nejad, li għandu 40 sena, kien instab ħati li għen sabiex jgħaddu $115 miljun lil entitajiet Iranjani permezz tas-sistema finanzjarja Amerikana, minn proġett ta’ kostruzzjoni fil-Venezwela. Il-prosekuturi fil-każ kontrih qalu li Sadr waqqaf network ta’ kumpaniji u kontijiet bankarji sabiex jaħbi l-involviment ta’ missieru, li hu d-direttur ta’ Stratus Group, grupp li għandu għadd ta’ kumpaniji industrijali fl-Iran, u hu wieħed mill-aktar negozjanti ta’ poter fid-dinja.

Nhar il-Ġimgħa fil-qorti Amerikana, il-prosekuturi talbu lill-imħallef permess biex iwaqqgħu l-każ minħabba litigazzjoni fuq evidenza li tinżamm privata. Stqarrew li minħabba r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha tal-evidenza, ma jkunx fl-interess tal-ġustizzja li l-każ jibqa’ jiġi segwit.

Il-ġurnal Bloomberg irrapporta li hija xi ħaġa mhux tas-soltu li l-prosekuturi federali se jwaqqgħu l-każ kriminali tagħhom kontra l-bankier Iranjan li ġie akkużat li kiser sanzjonijiet tal-Istati Uniti.

L-istqarrija tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia tkompli tgħid li huwa importanti aktar minn qatt qabel li l-bankier jitressaq il-qorti f’Malta, peress li “irrovina r-reputazzjoni ta’ Malta huwa u juża l-pajjiż bħala bażi biex jiffaċilita l-attività kriminali, permezz tal-Bank Pilatus.” Għaldaqstant, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia temmen li għandu jiġi estradit minnufih.

L-AĠ għandu jitlob għall-estradizzjoni – Repubblika

L-għaqda Repubblika qalet li l-Avukat Ġenerali għandu jitlob b’urġenza għall-estradizzjoni ta’ Ali Sadr.

Fi stqarrija Repubblika qalet li tinsab diżappuntata li l-prosekuturi tal-Istati Uniti waqqgħu l-każ fuq “teknikalità”. Ali Sadr kien instab ħati b’ġuri.

“L-Avukat Ġenerali ta’ Malta għandu jitlob li Ali Sadr Hashemi Nejad jiġi estradit lejn Malta biex iwieġeb t’egħmilu u tal-ksur tal-liġijiet Maltin li ħammrulna wiċċna mad-dinja. Dan għandu jagħmlu qabel Ali Sadr jiġi liberat fl-Istati Uniti u jitħalla jaħrab mill-ġustizzja,” qalet Repubblika. Qalet li Pilatus Bank intuża minn qraba ta’ dittaturi biex jaħslu l-flus li serqu minn pajjiżhom.

Il-PN favur it-talba tal-familja Caruana Galizia

Il-Partit Nazzjonalista qal li jappoġġja bis-sħiħ is-sejħa tal-familja Caruana Galizia biex Ali Sadr Hasheminejad, is-sid tal-bank Pilatus, jiġi minnufih estradit lejn Malta mill-Istati Uniti.

Fi stqarrija ffirmata mill-MPs Jason Azzopardi u Karol Aquilina l-PN qal li fil-proċeduri quddiem il-Qorti fl-Istati Uniti, d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan sostna li Ali Sadr Hasheminejad għamel użu minn flus ġejjin mill-kriminalità biex waqqaf il-bank Pilatus f’Malta.

“It-twaqqif u l-operat tal-bank Pilatus minn Ali Sadr Hasheminejad għamel ħsara enormi lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fis-settur bankarju u finanzjarju u poġġa f’riskju serju eluf ta’ postijiet tax-xogħol,” qal il-PN.

Kompla jgħid li l-PM Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass quddiem dan kollu.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger