​Qormi jirbħu u jibqgħu jittamaw

Qormi Hotspurs baqgħu jittamaw illi jirbħu l-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni meta qabżu fl-ewwel post tal-klassifika iżda b’logħba aktar mir-rivali San Ġiljan Saints, wara li għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 3-1.
Iż-żgħażagħ Qriema issa jisperaw illi San Ġiljan jfallu milli jirbħu l-konfront tagħhom kontra Mosta Vikings sabiex ikunu jistgħu jiksbu dan is-suċċess.
Huma temmew l-impenji tagħhom f’dan il-kampjonat b’bilanċ pożittiv ferm fejn minn 10 logħbiet kisbu tmien rebħiet, draw wieħed u telfa fil-konfront dirett kontra l-istess Saints. Huwa ġew promossi għall-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni u kienu t-tim illi qala’ l-inqas gowls.
It-talent żagħżugħ li joffri dan it-tim huwa kbir b’mod speċjali fid-dipartiment offensiv fejn spikkaw ħafna l-attakkanti Jacob Falzon u Yosef Bonnici li qegħdin ukoll fil-lista tal-aqwa skorers ta’ din id-diviżjoni.
Il-Qriema għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu kontra l-Victorians hekk kif iddominaw kompletament l-ewwel taqsima u stabbilixxew vantaġġ tajjeb ta’ 3-0 sa tmiem l-ewwel taqsima sabiex kisbu rebħa ferm prezzjuża.
Huma marru fil-vantaġġ wara 14-il minuta logħob permezz ta’ Shaun Deguara sabiex fil-31 minuta rdoppjaw l-iskor grazzi għall-gowl ta’ Yosef Bonnici illi b’hekk tella’ t-total personali tiegħu għal tmien gowls matul dan l-istaġun.
Il-Victorians dehru maħsuda u fl-istess ħin mifxula u ma kinitx sorpriża illi qalgħu t-tielet wieħed minuta wara meta Andy Camilleri mill-viċin għeleb lill-gowlkiper avversarju.
Bl-ewwel taqsima tagħlaq bil-Hotspurs 3-0 minn fuq, fit-tieni 35 minuta kienu Naxxar illi naqqsu l-marġni tal-iskor eżattament fl-40 minuta permezz ta’ Jason Camilleri.
Minkejja kollox, Qormi kkontrollaw tajjeb is-sitwazzjoni biex ħadu tliet punti ferm importanti li jpoġġuhom għal dawn il-ħmistax –il ġurnata fl-ewwel post tal-klassifika għalkemm b’logħba aktar mir-rivali San Ġiljan.
Fl-istess ħin, Qormi se jkunu spettaturi interessati ħmistax oħra meta s-Saints jilagħbu kontra t-tim tal-qiegħ Mosta Vikings bit-tama tagħhom hu li jonqsu milli jieħdu rebħa sabiex jiċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat.
Skor finali: Naxxar Victorians 1 Qormi Hotspurs 3
Ir-referee kien CJ Saliba.
F’partita oħra ferm eċitanti, sabiħa u mimlija gowls, Tal-Qroqq Versity kisbu rebħa drammatika ta’ 4-3 kontra Mqabba Albions sabiex temmew l-impenji tagħhom għal dan l-istaġun b’mod pożittiv.
Il-Versity skorjaw il-gowl importanti tagħhom eżatt qabel is-suffara finali hekk kif irreġistraw il-ħames rebħa tagħhom.
Minkejja kollox l-avversarji tagħhom Mqabba Albions taw wirja mill-aqwa fejn taw daqs kemm qalgħu u rrispondew għall-gowls li dabbru b’mod immedjat.
Kien konfront mimli gowls u wara taqsima fejn l-ebda tim ma rnexxielu jissupera lill-ieħor, fit-tieni taqsima f’temp ta’ sitt minuti, it-timijiet splodew u bejn it-43 u d-49 minuta ġew skorjati ħames gowls.
Tal-Qroqq Versity ingħataw penalty fit-43 minuta wara rregolarità fil-kaxxa ta’ Mqabba sabiex mill-11-il metru kien Emerson Vella li poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.
Lanqas laħqu għaddew 60 sekonda li kif ħareġ il-logħob, l-Albions ġabu l-iskor indaqs grazzi għal wieħed mill-aħjar plejers tagħhom Jake Gower illi ssoprenda lill-keeper tal-Versity.
Fil-45 minuta Tal-Qroqq reġgħu skorjaw permezz ta’ Owen Gilford iżda ftit damu jgawdu dan il-vantaġġ meta Jake Gower reġa’ sab ix-xibka, għamilhom 2-2 u kien awtur ta’ doppjetta personali.
Ix-xita ta’ gowls baqgħet ġejja u din id-darba kien imiss lil Tal-Qroqq Versity illi jerġgħu jiskorjaw hekk kif Owen Gilford għeleb lill-gowlkiper ta’ Mqabba u għamilhom 3-2.
Il-partita kompliet tkun emozzjonanti u mas-siegħa logħob Lento sab il-gowl ta’ 3-3 għal Mqabba.
U hekk kif il-logħba kienet tidher illi se tintemm fi draw, Tal-Qroqq Versity skorjaw mas-70 minuta il-gowl li tahom ir-rebħa.
Kien ir-referi tal-partita illi ordna t-tieni penalty tal-ġurnata għall-Versity li ġie skorjat għal darb’oħra minn Emerson Vella sabiex għen lit-tim tiegħu jieħdu r-rebħa finali.
Skor finali: Mqabba Albions 3 Tal-Qroqq Versity 4
Ir-referee kien Georgi Bitri.
KLASSIFIKA:
Qormi 25, San Giljan 23, Tal-Qroqq 16, Naxxar V 10, Mqabba 5, Mosta 2
Ritratt: Warren Sammut