“Aqilgħu għajnejkom minn fuq l-ismartphones u araw lil ħutkom”

 “Aqilgħu għajnejkom minn fuq l-ismartphones u araw lil ħutkom”, qal il-Papa Franġisku lil ġemgħa ta’ reliġjużi miġbura fil-Bażilka ta’ San Pietru fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ħajja Kkonsagrata, filwaqt li appellalhom biex ma jwarrbux lil ħuthom anzjani.
“Il-pass mgħaġġel tal-ħajja tal-lum iwassalna biex nagħlqu ħafna bibien, ħafna drabi għax nibżgħu mill-oħrajn. Il-ħwienet u l-konnessjonijiet tal-internet huma dejjem miftuħa”, qalilhom il-Papa.
"Iżda l-qlub ta’ dawk li jemmnu jridu jkunu miftuħa wkoll għax kull min jemmen jirċievi l-fidi minn xi ħaddieħor u hu msejjaħ biex jaqsam il-fidi mal-oħrajn."
Fl-omelija tiegħu l-Papa tkellem fuq numru ta’ laqgħat: bejn in-nies u Ġesù; bejn Marija u Ġużeppi; bejn Xmun u Anna, u bejn individwi u membri tal-komunitajiet reliġjużi jew ġirien tagħhom.
Hu spjega li għall-Insara tal-Lvant il-festa ta’ dak il-jum kienet tissejjaħ “Il-Festa tal-Laqgħa”: il-laqgħa bejn Alla, li sar tarbija biex iġib dinja ġdida, u l-umanità li qed tistenna.
Il-Papa, li anke hu hu membru ta’ ordni reliġjuża, qal lill-mijiet ta’ partijiet u sorijiet miġbura quddiemu, li l-vjaġġ tagħhom beda minn sejħa u laqgħa, li għalkemm personali ħafna, saret fil-kuntest tal-familja, tal-parroċċa jew tal-komunità.
"Ir-reliġjużi għandhom jirrealizzaw li għandhom bżonn lil xulxin – żgħażagħ u xjuħ – biex iġeddu u jsaħħu l-għarfien tagħhom ta’ Alla. M'għandhomx iwarrbu lill-membri anzjani għax jekk iż-żgħażagħ huma msejħa biex jiftħu bibien ġodda, l-anzjani għandhom iċ-ċwievet”, wissa l-Papa Franġisku.
“L-aħwa fil-komunità huma rigal li għandna ngħożżu” qal il-Papa, filwaqt li appella biex ma nħarsux lejn l-iskrin tat-telefown ċellulari aktar milli nħarsu f’għajnjen ħutna, jew niffukkaw aktar fuq dan l-apparat flok fuq il-Mulej”.
"It-tisħiħ tar-rabtiet interġenerazzjonali fil-komunitajiet reliġjużi hu antitodu għar-retorika vojta ta’ ‘dak iż-żmien ħelu’ u l-uniku mod biex insikktu lil dawk li jemmnu li hawn kollox sejjer ħażin", sostna l-Papa.
Il-ħajja reliġjuża bil-voti tal-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza dejjem tqieset antikulturali, iżda hi sors tal-veru  ħelsien għax filwaqt li “l-ħajja ta’ din id-dinja tfittex pjaċiri u xewqat għalina nfusna, il-ħajja kkonsagrata teħlisna mir-rabta ta' dak li għandna biex inħobbu lil Alla u lill-oħrajn b’mod sħiħ”, temm jgħid Papa Franġisku.