“Qisu wieħed minn tagħna”

Nikol u Mary jiddiskutu l-esperjenza tagħhom fil-fostering

Read in English.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Nikol u Mary Baldacchino – koppja li ddeċidew li jiftħu l-bibien tagħhom għal ulied ħaddieħor minkejja li diġà għandhom tliet ulied tagħhom – u erba’ neputijiet. Jiddeskrivu kif bdiet l-esperjenza tagħhom tal-fostering, għalfejn it-taħriġ huwa neċessarju u x’jinvolvi eżattament il-fostering. Huma jemfasizzaw l-importanza tal-appoġġ f’dan il-proċess u kif il-fostered child jasal biex isir ħaġa waħda mal-bqija tal-familja.

“Bdiet b’Ċikka” – Nikol

Id-deċiżjoni tagħhom li jiffosterjaw, fi kliem Nikol “bdiet b’Ċikka”. Dan hekk kif uliedhom stess, fi żmien il-vaganzi kienu jmorru jgħinu fil-crèche f’Tas-Sliema u minn żmien għall-ieħor kienu jġibulhom xi tifel jew tifla għall-ikel.

Nikol u Mary jirrakkuntaw kif kienu jospitaw tifel partikolari mill-crèche. Huma kienu jilqgħuh f’darhom regolarment. Però f’ħin bla waqt, ġew mgħarrfa li ma setgħux jibqgħu jaraw lil dan it-tifel. “Ħadna kedda kbira,” tistqarr Mary, hekk kif anke tiftakar b’nostalġija ir-ritratti li għad għandhom ma’ dan it-tifel.

Ma jaqtgħux qalbhom

Però din l-esperjenza ma servietx biex Nikol u Mary jagħlqu l-bibien tagħhom. Ġara li fis-sena 2000 irċevew l-aħbar li kien hemm tifel ieħor li ma kien se jkollu lil ħadd għall-Milied. Huma laqgħuh b’idejhom miftuħa. Iż-żjarat waslu biex żdiedu u bil-ftit il-ftit bdew jidraw lil xulxin. Dak iż-żmien ġew imħajra jagħmlu l-kors tal-Fostering hekk kif kien se jitnieda l-programm għall-ewwel darba.

Mary u Nikol kienu xettiċi dwar il-ħtieġa tal-kors. Però ma damux ma għarfu r-relevanza ta’ dan it-taħriġ hekk kif ġew konxji li l-fostered child ikun qed iġġorr “bagalja” tqila. Huma jinsistu li l-familja bijoloġika għandha titħarreġ dwar kif għandha tilqa’ persuna li tkun ġejja minn ambjent kompletament differenti.

L-impatt li ħalla fuqhom it-tifel

Il-koppja tistqarr li l-miġja ta’ persuna vulnerabbli ġo familja ġdida, minnha nfisha tqanqal diversi sfidi. Fl-istess waqt jaqblu li dan it-tifel partikolari mhux biss iħalli impatt pożittiv fuqhom imma saħansitra l-ulied bijoloġiċi tagħhom jarawh bħala persuna oħra ma’ min jistgħu jaqsmu l-imħabba li tgħaqqadhom bħal aħwa.

Minkejja li l-esperjenza tagħhom kienet waħda pożittiva, kemm Nikol u kemm Mary jirrikonoxxu t-tbatija li tista’ sseħħ fil-familja jekk jagħti l-każ li d-dinamika ma tkunx taħdem. Fil-fatt jemfasizzaw li parti integrali mill-proċess tal-bidu hija proprju li tiddiskuti d-deċiżjoni mal-bqija tal-familja. Huwa importanti li kull membru tal-familja jkun komdu bil-miġja ta’ xi ħadd ġdid jgħix magħhom.

Il-fostered child qatt m’għandu jservi biex jimla vojt

Nikol jinsisti li meta wieħed jagħżel li jiffosterja, hemm diversi kunsiderazzjonijiet li wieħed għandu jieħu. Jekk il-koppja tibda minn punt ta’ tluq li l-fostered child se jkun mezz li bih jimlew xi vojt jew isolvu l-problemi ta’ bejniethom, mela allura diġà l-koppja tkun bdiet fuq sieq ħażina. Mary tinsisti li l-punto di partenza għandu jkun l-għotja totali.

Isemmu wkoll li jeżisti anke taħriġ għat-tfal fostered sabiex jippreparahom għat-tranżizzjonijiet involuti f’dan il-proċess, pereżempju meta jkunu se jibdew jiġu fostered minn koppja u anke meta jiġu biex jitneħħew mill-foster family tagħhom.

Madankollu jgħidu li peress li meta bdew jiffosterjaw huma, ma kienx għad hawn struttura per se, dak iż-żmien ma sabux l-aqwa appoġġ li setgħu jsibu. Però dejjem kellhom ħafna appoġġ mill-familja tagħhom.

“Qisu wieħed minn tagħna”

Filwaqt li l-koppja tirrikonoxxi li l-vjaġġ mhuwiex dejjem faċli u li joffri ħafna sfidi, huma jisħqu fuq in-nobbiltà ta’ din l-għażla. Madankollu huma ma jarawx il-fostering bħala xi att ta’ karità imma pjuttost bħala sors li jarrikki l-familja tagħhom. Mary tistqarr li dan it-tifel fostered irabbuh bl-istess mod, “jew aħjar” milli rabbew lill-istess uliedhom. Fuqkollox, bħala familja huma jarawh “qisu wieħed minn tagħna”.