“Qisu lbieraħ li jien u missierek konna qed nistennewk titwieled” – Angela lil Lara

Awguri lil Lara Azzopardi li llum it-Tlieta 2 ta’ Ġunju qed tiċċelebra għeluq il-35 sena tagħha. L-attriċi ta’ sensiliet bħal Ġiżelle, Iċ-Ċaqqufa u Game Over twieldet bħal-lum 35 sena.

Fost l-ewwel messaġġi ta’ awgurju li tfaċċaw fuq il-midja soċjali proprju minn lejliet għeluq snin Lara kien hemm dak ta’ ommha Angela Agius, li kuljum narawha tippreżenta l-programm Niskata fuq TVM.

Filwaqt li awguratilha, ANgela staqsiet “Fejn marru s-snin? Qisu lbieraħ li jien u missierek konna qed nistennew li niltaqgħu mieghek,”, b’riferenza għal snin ilu meta Lara kienet waslet beix titwieled.

Angela kompliet billi rringrazzjat lil Lara għall-ferħ li ġġib f’ħajjitha u talli ġġiegħlha tħossha l-aqwa omm fid-dinja.

Filwaqt li ħafna jassoċjaw lil Lara ma’ sensiliet ta’ drama, meta kienet iżgħar hija kienet iffukata aktar fuq il-kant u kienet tieħu sehem f’għadd ta’ festivals, li rebħet anke wħud minnhom. Kienet ukoll rebħet il-festival Bimbo Star li ttella’ fl-Ariston fl-Italja, bil-kanzunetta Disc Dolly. Aktar tard ħarġet is-CD album “My Dreams”.

Lara kienet ukoll tippreżenta fuq Radju Malta programmi għat-tfal flimkien ma’ ommha. Kienet ukoll tippreżenta programm dwar l-annnimali flimkien ma’ Alfred Sant Fournier, kif ukoll programmi oħra bħal Ittri, Kliem uMużika, Rakkont u Kant, u L-Għażla tas-Semmiegħa għat-Tfal, flimkien ma’ Manuel Cassar.

Għal quddiem Lara qed tħejji bosta proġetti, fosthom kif żvelat dan l-aħħar ma’ newsbook.com.mt, proġett flimkien mal-maħbub tagħha Neil Darmanin.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Lara f’għeluq sninha.