Qisu hemm min fit-tmexxija jrid jgħin lilu nnifsu mhux lill-partit – MŻPN

Facebook - MŻPN

Read in English.

F’rapport dwar l-istat tal-Partit Nazzjonalista (PN), il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) qal li qisu hemm nies fit-tmexxija li jridu jgħinu lilhom infushom u mhux lill-partit.

L-MŻPN ħejja rapport dwar il-perjodu bejn l-2017 u l-2019 li wassal għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Mejju ta’ din is-sena. Newsbook.com.mt akwista kopja ta’ dan ir-rapport li ma nxteridx fil-pubbliku. L-MŻPN bħalissa huwa mmexxi mill-avukat Joseph Grech.

Fir-rapport, l-MŻPN qal li għalkemm dejjem kien hemm xi livell ta’ għaqda fil-PN, il-mod ta’ kif ġiet indirizzata s-sitwazzjoni fl-aħħar xhur juri li għad hemm ħafna li jrid isir. Skont l-MŻPN, id-diviżjoni ilha ġejja mill-kampanja għall-kariga ta’ kap tal-PN li kien rebaħ Adrian Delia. Qal li infetħu numru ta’ gruppi fuq il-midja soċjali u anke chat groups li ntużaw biex jattakkaw individwi biex dawn jisktu. Skont l-MŻPN, ħadd mhu se jammetti li dawn l-istrutturi jeżistu.

L-MŻPN akkuża lin-nies fit-tmexxija li ma kkunsidrawx ideat li ma kinux tagħhom. Qal li kull kritika kienet tirċievi attakki interni jew pubbliċi. Qal li reċentament, nies qrib it-tmexxija tal-PN attakkaw lill-MŻPN fil-pubbliku fuq siti tal-aħbarijiet permess ta’ stejjer leaked jew li kellhom ineżattezzi.

Fi kliem l-MŻPN, kien hemm persuni li tqabbdu biex jassiguraw b’kull mod possibbli li l-poter jibqa’ f’idejn dawk li huma l-eqreb lejn it-tmexxija.

L-MŻPN tkellem ukoll dwar il-Membru Parlamentari Simon Busuttil. Adrian Delia kien ipprova jkeċċih mill-PN. Iż-żgħażagħ qalu li sa fejn jafu huma, Busuttil għadu sospiż mill-grupp parlamentari. Però, Busuttil deher ħiereġ mid-Dar Ċentrali llum wara tmiem il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari. L-MŻPN qal li l-każ kellu jiġi trattat b’mod partikolari però spjega li nies qrib Delia ppruvaw jieħdu vantaġġ tas-sitwazzjoni u ssuġġerew metodi oħra. Fi kliem l-MŻPN, dan il-każ ġie indirizzat b’mod diżastruż.

Skont l-MŻPN, hemm nies fi ħdan it-tmexxija tal-PN li addottaw in-narrattiva tal-Partit Laburista li l-PN kellu fazzjonijiet separati. Intqal li waħda mit-tikketti li kienet tingħata lin-nies kienet li jagħmlu parti mill-hekk imsejħa ‘Folla ta’ Daphne’.

L-MŻPN qal li l-PN irid jieħu responsabbilltà għal kif tmexxiet il-midja tal-PN għall-aħħar 20 xahar. Qal li saru żbalji li ma jistgħu jinħafru. Skont l-MŻPN, wieħed mill-iżbalji li saru kien l-attakk fuq kull kamra tal-aħbarijiet u fuq gruppi tas-soċjetà ċivili bħall-Occupy Justice.

Skont l-MŻPN, mill-bidu kien hemm sens ta’ denial. Għalkemm kien hemm sinjali ċari li l-PN kien se jkun qed jitlef l-elezzjonijiet, kien hemm sens ta’ ‘kollox normali’. L-MŻPN tkellem ukoll dwar il-mod li bih ġie indirizzat ir-riżultat tal-aħħar elezzjonijiet. Qal li dan kien diżastru totali. L-MŻPN qal ukoll li t-tmexxija ta’ bħalissa mhux qed tinduna li l-voluntiera u l-persuni fi ħdan l-istrutturi tagħha joffru l-ħin u l-enerġija tagħhom għax iħobbu l-partit.

Skont ir-rapport tal-MŻPN, filwaqt li voluntiera u aġenti tal-PN ħadmu bla waqfien fis-sala tal-għadda tal-voti, it-tmexxija għażlet li tibqa’ ‘l bogħod għall-maġġur parti tal-ħin. L-MŻPN qal li wara nduna li dan sar biex jibdew il-preparamenti għall-vot “irregolari” tal-co-option tas-siġġu tal-eks MP David Stellini.

Fi kliem l-MŻPN, il-prioritajiet tan-nies fit-tmexxija jidhru qishom huma aktar intiżi li jgħinu lilhom infushom milli lill-partit. Dwar l-istrateġija tal-PN, l-MŻPN qal li jekk kien hemm waħda, din kellha bżonn ħafna aktar tibdil. Intqal li l-maġġoranza tad-deċiżjonijiet saru bejn l-erba’ ħitan ta’ kamra waħda mingħajr ma ġew rikonoxxut ideat oħra.
Ir-rapport jgħid li l-Partit irid jara x’inhuma l-prinċipji tiegħu.

Fi kliem l-MŻPN, hemm bżonn li tintrefa’ r-responsabbilità minn dawk li fallew. Qal li dwak li kellhom jgħinu lill-PN javvanza issa jridu jassigraw tranżizzjoni b’saħħitha. Intqal li l-PN irid jidentifika nies li jgħaqqdu lin-nies u jispirawhom. L-MŻPN qal li kull sferi tas-soċjetà għandhom ikunu rappreżentati.

L-MŻPN qal ukoll li l-PN irid jerġa’ jibni l-kredibilità tiegħu.